Friday, April 26, 2024

“Gvern u Oppożizzjoni għandhom jingħaqdu biex id-diskorsi jonqsu sa massimu ta’ 20 minuta”

- L-Ispeaker Anġlu Farrugia

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Ilbieraħ reġa’ jiftaħ il-Parlament. Dan hu Parlament li fih se jkun hemm l-akbar ammont ta’ deputati fl-istorja tal-Parlament Malta, 79 deputat.  Minn dawn se jkun hemm 44 f’isem il-Partit Laburista u 35 f’isem il-Partit Nazzjonalista. Dan hu l-akbar Parlament minħabba li għall-ewwel darba ntuża l-mekkaniżmu korrettiv tal-bilanċ tal-ġeneru. 

L-Ispeaker Anġlu Farrugia meta mistoqsi minn Talk.mt dwar il-ħin tad-diskorsi issa li żdiedu l-membri Parlamentari, iddikjara li l-Gvern u l-Oppożizzjoni għandhom jingħaqdu biex jippruvaw jaraw li l-massimu li wieħed idum jitkellem ma jkunx aktar minn 15 sa 20 minuta.  Hu saħaq ukoll li għandhom jiġi eliminat id-diskorsi ta’ mibegħda,. Ma naqasx li jsemmi li se tkun prijorit̀à riforma fil-privileġġ parlamentari.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia qalilna li  sakemm ma jinqala’ xejn straordinarju, il-President tal-Ukrajna  Volodymyr Zelenskyy se jindirizza  lill-parlament Malti fl-4.00 ta’ wara nofsinhar.  “Waqt il-kampanja elettorali jien bħala Speaker ħadt sehem f’laqgħat tal-Ispeakers u daħħalt emenda fir-riżoluzzjoni finali biex  il-Parlamenti ikomplu b’kuntatti diplomatiċi biex il-gwerra tieqaf kemm jista’ jkun malajr. Kien hemm ukoll l-inizjattiva tal-Ministru Ian Borg li stieden lill-President Ukren jindirizza l-Parlament. Imbagħad ġejna infurmati biex loġistikament nippreparaw biex din issir. L-aktar data li kienet viċin kienet nhar  it-Tlieta.  Sa issa, se jkun qed jitkellem il-President Ukren u mbagħad naraw niftħux għal domandi. Jekk il-President Ukren iħoss li kollox jieqaf mad-diskors tiegħu,  aħna nirrispettaw dan”.

Dwar il-ħidma u l-prijoritajiet għall-ħames snin li ġejjin, l-Ispeaker Anġlu Farrugia enfasizza li saru diversi riformi fosthom l-awtonomija parlamentari u il-kumitati tal-parlament li llum minn sitta hemm sbastax. Hemm ukoll ir-riforma għal aktar trasparenza u effiċjenza fil-parlmaent. Dan pie indikat fost l-aktar parlamenti effiċjenti fil-pajjiżi tal-Ewropa.

Dr. Farrugia saħaq li “hemm riformi li għandhom isiru ukoll bħal dik li tirrigwardal-abbuż tal-privileġġ parlamentari. Ilni nisħaq fuqu. Għamilt studju u rapporti. Hemm mekkaniżmu li jeżisti fil-Commonwealth. Ċittadin li jħossu aggravat minn diskors fil-Parlament għandu jingħata rimedju. Apparti dan kemm il-darba jirriżulta li dak li qal il-Parlamentari hu falz jew tgħawwiġ, dak il-Parlamentari jingħata direzzjoni mill-Ispeaker biex jirtira dak  li jkun qal. Jekk ma jsirx dan isir dak li jissejjaħ “name u shame”.

Kompla jgħid li “hemm ir-riforma fuq il-konsum tal-ħin u kontabilità mill-membri Parlamentari. Irrid innaqqsu mill-ħela ta’ ħin u nagħtu spazju għal aktar sehem għax issa hemm aktar membri  biex jagħtu l-impenn”.

Mistoqsi minn Talk.mt jekk jaħsibx li l-ħin tal-interventi mill-membri Parlamentari għandu jonqos fejn bħalissa l-ħin hu ta’ 40 minuta, l-Ispeaker qalilna li “nemmen li kemm il-Gvern u anke l-Oppożizzjoni għandhom jingħaqdu biex jippruvaw jaraw li l-massimu li wieħed jitkellem ma jkunx aktar minn 15 sa 20 minuta.”

Tkellimna ukoll mal-Ispeaker dwar il-lingwaġġ ta’ mibegħda li ġieli smajna fil-Parlament. Tenna li “naħseb li issa hu ż-żmien biex neliminaw id-diskors ta’ mibegħda fil-Parlament. Wieħed għandu jiġġieled l-argument u mhux il-persuna.  Nagħmel l-appell biex inkunu aktar maturi. Aħna għandna nkunu ta’ eżempju”. 

F’dan il-Parlament se jkun hemm  57 deputat  irġiel filwaqt li 22 huma deputati nisa.

Sport