Sunday, December 22, 2024

GWERER TAL-ILSNA

Aqra wkoll

Ilhom li nxtegħlu d-dwal ħomor u li daqqew il-qniepen ta’ twissija: l-ilsien Malti qed jitlef ir-ritmu u l-użu f’pajjiżu stess. Anqas u anqas nies qed jaqraw bil-Malti. Anqas u anqas tfal qed jitkellmu bl-ilsien tagħhom. Aktar u aktar l-istess ilsien qed jispiċċa mdgħajjef u mminat bl-espressjonijiet barranin li deħlin b’guffaġni fuqu u jirrenduh forma ta’ “pidgin”.

Jekk il-kompetizzjoni dwar kemm u fejn se nitkellmu b’liema lingwa fl-istess pajjiżna hi forma ta’ gwerra, qed tintilef mill-ilsien Malti. Ħafna indizji jikkonfermaw dil-ħaġa. Bħat-tfal li mhumiex minn xi borgeżija alta li jħossuhom mitlufa jiktbu bil-Malti. Jew bħat-traduzzjonijiet li jsiru ta’ aħbarijiet barranin barra li jiġu tradotti b’mod tant litterali li diffiċli tifhem it-tifsira tagħhom.

Jista’ jitwaqqaf dan it-taħsir? Żgur li jista’. Iżda mhux biżżejjed li n-nies ta’ rieda tajba jibqgħu jirrepetu l-għajta ta’ ma nafx min, li mingħajr ilsien nazzjonali, ftit jista’ jkun hemm identità nazzjonali. Dan minnu. Imma allura???

L-“ESTABLISHMENT”

Forsi seta’ nstab mument u okkażjoni aħjar biex jiġi varat l-argument dwar l-establishment f’pajjiżna. Imma l-argumenti li l-Prim Ministrtu Robert Abela qajjem dwaru huma validi.

Sibtha komika l-attitudni li ħadu numru ta’ kummentaturi dwar das-suġġett. Qishom qatt ma kienu semgħu bil-biċċa. Fl-imgħoddi, uħud (jien fosthom) konna qajjimna l-kwistjoni u sostnejna kemm l-establishment hu problematiku għall-governanza demokratika.

Tassew, teżisti xibka ta’ nies u interessi li jinsabu imkaħħla fil-qafas tal-poter politiku, ekonomiku u soċjali biex ikun min ikun fil-gvern, jaslu għal deċiżjonijiet li jiġbdu lejn kif huma jaraw l-affarijiet. Dil-ħaġa ġrat saħansitra għoxrin sena ilu, meta ttieħdet id-deċiżjoni li Malta ssir membru sħiħ tal-Unjoni Ewropea. U l-istess establishment ftit inbidel minn dak iż-żmien lil hawn!

Tiġri f’Malta daqskemm tiġri f’inħawi oħra, inklużi l-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.

LOGĦOB OLIMPIKU

F’Malta l-entużjażmu popolari dwar il-Logħob Olimpiku li se jsir das-sajf ftit għadu tkebbes. Mhux bħal fi Franza fejn se jinżamm. Il-medja ilhom li bdew iwasslu stejjer dwar it-tħejjijiet li qed isiru għalihom u l-poplu qed juri interess jiżdied dwar kif se jkunu organizzati l-attivitajiet. Żgur li magħhom se jġibu komplikazzjonijiet ta’ organizzazzjoni, mhux l-anqas f’Pariġi fl-użu tal-ispazji publiċi u l-mezzi tat-trasport. Imbuttati mill-President Macron, l-awtoritajiet qed jagħmlu kull sforz biex permezz tal-Logħob, Franza tipprovdi wirja spettakolari u ta’ prestiġju.

L-agħar problemi se jkunu dwar is-sigurtà. Il-gwerer tal-Ukrajna u ta’ Gaza joħolqu tħassib dwar iċ-ċansijiet ta’ attakki terroristi fi żmien meta l-forzi tas-sigurtà jkunu diġà mgħobbija b’ħafna ħidmiet delikati u ta’ strapazz.

Ekonomija

Sport