Monday, April 7, 2025

Gżira United Veterans fl-ewwel post

Aqra wkoll

Gżira United Veterans telgħu fl-ewwel post tal-klassifika tal-VMFA Cisk Premier League wara li għelbu lil Floriana 2-1 f’logħba ferm mistennija.

Gżira ħarġu ferm tajjeb fejn bdew joħolqu diversi attakki bil-goalkeeper ta’ Floriana Justin Spiteri li laqa’ diversi blalen indirizzati lejh. Huma anke laqtu l-lasta permezz ta’ Ian Zammit qabel ma’ Kevin Sammut poġġihom fil-vantaġġ u ftit minuti wara, Sebastian Nayar għamilhom 2-0 b’xutt fil-baxx.

Fit-tieni taqsima, Floriana ippruvaw juru reazzjoni u kellhom gowl imħassar ta’ Manolito Micallef. Lejn l-aħħar huma naqqsu l-marġni tal-iskor permezz ta’ Gilbert Scerri.

F’partita mill-isbaħ, iċ-champions MFPA u Birkirkara St Helen’s temmew il-konfront ta’ bejniethom fi draw ta’ 4-4.

Robert Perkins skorja żewġ gowls għall-Karkariżi b’Firas Aboulezz u Jean Pierre Mifsud Triganza li żiedu aktar gowls għat-tim tagħhom.

Il-Malta Football Players Association kellhom lil George Frendo jiskorja doppjetta b’Julian Galea u Aleksandar Ribic li niżżlu isimhom fost l-iskorers.

Rabat Veterans kellhom wirja dominanti fuq Zejtun Red Stars tant li rebħulhom 11-0.

Adam Smeir kien ta’ ispirazzjoni għal sħabu meta skorja xejn inqas minn sitt gowls sabiex Ibrahim Tarek u Leandros Calleja kienu awturi ta’ doppjetta b’Joseph Caruana jagħlaq b’mod definit il-partita.

Żurrieq Wolves kisbu r-raba’ rebħa staġjonali wara li għelbu lil Hibernians Veterans 3-2.

Alexei Saliba kien l-istilla għaż-Żrieraq meta skorja doppjetta filwaqt li Kevin Vella sab ukoll ix-xibka.

Craig Schembri u Beppe Antignolo skorjaw il-gowls tal-Pawlisti.

KLASSIFIKA – VMFA Cisk Premier League

Gżira United Veterans 31, Floriana 30, Birkirkara St Helen’s 24, MFPA 23, Rabat 17, Żurrieq Wolves 12, Hibernians 3, Żejtun Red Stars 0.

Sport