Leyder Gianiny Acevedo Molina mill-Kolombja ġie kkundannat 4 snin u sitt xhur ħabs wara li ammetta li pprova jdaħħal Malta d-droga kokaina. Hu kien wasal Malta fuq titjira minn Brussell fis-27 ta’ Awwissu tal-2022.
Hu ammetta l-akkużi kollha kontrih hekk kif deher quddiem l-Imħallef Natasha Galea Sciberras biex jibda għaddej ġuri.
Fil-Qorti l-Prosekuzzjoni kienet qalet li kellha informazzjoni minn qabel li hu kien qed iġorr id-droga u hekk kif wasal fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ġie mwaqqaf. Meta saret tfittixija fuqu u anke fil-bagalji ma nstab xejn, iżda l-kelb tad-Dwana wera li r-raġel kien qiegħed iġorr id-droga.
Wara li saret tfittixija fuqu nnifsu, il-pulizija nnutaw li kien qiegħed iġorr xi ħaġa fil-warrani.
Kien għalhekk li hu ttieħed l-Isptar Mater Dei fejn sarlu CT scan. Kien hawn li nstabu 3 kapsoli fl-intern. Dawn inħarġu mill-warrani fejn irriżulta li kien fihom 424 gramma kokaina.
Id-droga kellha purità ta’ 64% u kienet iġġib madwar €33,000 fis-suq..
Fis-sentenza tagħha minħabba l-ħabs, l-Imħallef ikkundannatu €10,000 u ordnat iħallas €1,210 tal-ispejjeż marbuta mal-każ. L-Imħallef Galea Sciberras ordnat ukoll il-konfiska tal-propjetà mobbli u immobbli tiegħu.