Sunday, December 22, 2024

Ħaddiema mħarrġa

Aqra wkoll

Dan l-aħħar saret riforma importanti – dik li ħaddiema barranin li ġejjin minn barra l-UE biex jaħdmu f’Malta, irid ikun hemm bżonnhom u anki jkunu mħarrġa. Li dawn il-ħaddiema jkun hemm bżonnhom tgħodd għal kull settur ekonomiku filwaqt li l-bżonn li jkunu mħarrġa, s’issa tgħodd għall-ħaddiema kollha fis-settur tat-turiżmu.

Pass importanti, għaliex fl-aħħar il-gvern beda jieħu passi bżonjużi biex ma nitgħabbewx b’nies barranin li m’għandhomx xogħol u għalhekk ikunu toqol għal Malta, sew ekonomiku u sew soċjali, minflok li jkunu ta’ għajnuna biex l-ekonomija tagħna tkompli tikber. Barra minhekk, dan il-pass ikun ukoll qed itella’ l-istandard tax-xogħol f’Malta.

Biss hu pass, għaliex jien nemmen li r-riforma biex dawn il-ħaddiema jkunu mħarrġa għandha wkoll tibda tgħodd għall-ħaddiema kollha, inkluż Maltin. Ir-raġuni hi illi jekk il-ħaddiema Maltin ma jkunux imħarrġa, min jimpjega jkun jippreferi ħaddiema barranin għaliex dawn, peress li jkunu mħarrġa, ikunu jistgħu jagħtu xogħol aħjar. Barra minhekk hu importanti biex intellgħu l-livell tal-ħaddiema Maltin, biex nassiguraw aktar li l-ħaddiema Maltin jkollhom xogħol f’postijiet importanti.

Mhix xi riforma faċli speċjalment meta tqis li f’ħafna setturi għandek ħaddiema li ma jkunux imħarrġa mal-ewwel meta jibdew ix-xogħol tagħhom u jiksbu dan b’esperjenza. Sintendi, l-esperjenza hi importanti, imma jekk ħaddiem ma jkunx imħarreġ mal-ewwel, ser jitgħallem mill-iżbalji li jkun għamel. Il-problema hi, min qed iħallas għal dawn l-iżbalji? Ħafna drabi hu l-konsumatur li jkun qed iħallas għal dawn l-iżbalji.

Fil-maġġoranza tas-setturi f’Malta, biex ħaddiem jibda jagħti servizz, m’għandux bżonn li jkollu l-ebda taħriġ. Dan l-aktar li nsibuh fil-ħaddiema li jkunu self-employed. Dan konna rajnih mill-ilmenti li konna nirċievu mingħand il-konsumaturi. Fil-fatt hi waħda mill-akbar problemi li għandhom il-konsumaturi Maltin hi biex, qabel ma jidħlu f’kuntratt mas-self-employed, ikollhom moħħhom mistrieh li s-self-employed li ser iqabbdu jkun kapaċi li jagħmillhom xogħol tajjeb.

Dan mhux ristrett għas-self-employed biss, għaliex għandek ukoll kumpaniji li jinqdew b’ħafna ħaddiema li mhux imħarġin u għalhekk mhux kapaċi jagħtu servizz tajjeb biex jiffrankaw il-flus. Fost dawn insibu kumpaniji li joffru servizz tal-liftijiet, dawk li jbiegħu solar panels u anki dawk il-kumpaniji tat-tindif.

Hu għalhekk li hemm bżonn li dawn il-passi li ttieħdu jiġu estiżi għal setturi oħra.

Mhix xi ħaġa faċli li din issir u anki mhix xi ħaġa li tista’ tagħmilha mil-lum għall-għada. Mhix faċli għaliex hi riforma kbira għax, bħal ma ktibt, għandek ħafna setturi li ftit issib nies li huma mħarġa. Dan barra l-fatt li anki fejn suppost diġa’ għandek ħaddiema mħarġa, għandek ħafna oħra li mhux imħarrġa. Dan ma jfissirx li mhux kapaċi imma l-kapaċita’ ġabuha b’esperjenza fuq l-iżbalji li jkunu għamlu. Biex insemmi każ wieħed, għandek l-electricians. Biex tkun electrician trid tkun imħarreġ. Imma hemm ħafna li jaħdmu ta’ electricians mingħajr taħriġ u liċenzja u meta jlestu x-xogħol jqabbdu electrician bil-liċenzja biex jiffirma hu x-xogħol li jkun sar.

Ktibt li ma tistax issir malajr għaliex il-gvern Nazzjonalista kien neħħa l-iskejjel tekniċi għal dawn it-tip ta’ taħriġ. Vera li llum diġa’ bdew jittieħdu numru ta’ passi biex dawk li jridu jaħdmu f’dan it-tip ta’ setturi jkunu jistgħu.

Biss għad jonqos ħafna xi jsir u jkun diffiċli li naslu jekk ma nerġgħux nibnu skejjel sekondarji tekniċi bħal ma kien għamel Mintoff fil-ħamsinijiet. L-importanti hu li nibdew minn issa biex il-tibdila tkun waħda kalma u sigura.

Dan pass wieħed, għaliex pass ieħor importanti hu l-infurzar – xi ħaġa li mhix fil-kultura tagħna imma għallanqas dan l-aħħar bdejna niċċaqilqu għalkemm għad għandek ħafna Awtoritajiet ta’ setturi li għadhom ma bdewx jiċċaqilqu.

Ekonomija

Sport