Monday, April 29, 2024

Se tittella’ t-tielet edizzjoni tal-Munxar Fireworks & Gastronomy Festival

Aqra wkoll

Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli, flimkien mal-Kunsill Lokali tal-Munxar, ħabbru li se jerġa’ jiġi organizzat il-Fireworks & Gastronomy Festival fil-Munxar. Din it-tielet edizzjoni se ssir nhar il-Ġimgħa 26 ta’ April, 2024 mis-7:30pm ’il quddiem. Il-Kunsill Lokali tal-Munxar ingħata fondi sabiex jittella’ dan il-festival permezz tal-Iskema għall-attivitajiet kulturali maħruġa mid-Diviżjoni tal-Gvern Lokali. 

Waqt dan il-festival se jkun hemm show pirotekniku b’logħob tan-nar sinkronizzat mal-mużika u stalls tal-ikel kif ukoll divertiment għall-familja kollha bil-parteċipazzjoni ta’ Ira Losco & Band, Ozzy Lino u DCapitals Big Band. Dan il-Fireworks & Gastronomy Festival fil-Munxar huwa bla dubju ċelebrazzjoni tat-tradizzjonijiet kulinari u kulturali tagħna. Mill-kċina lokali għal wirjiet pirotekniċi u divertiment dan il-festival se joffri esperjenza indimentikabbli kemm għan-nies tal-lokal kif ukoll għall-viżitaturi.

Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qalet li għat-tielet darba l-Kunsill Lokali tal-Munxar se jorganizza avveniment ieħor tal-ogħla livell, sabiex jitgawda mill-pubbliku. Semmiet ukoll kif fl-aħħar snin il-gżira Għawdxija stabbiliet ruħha bħala destinazzjoni għall-avvenimenti ta’ dawn it-tip.

“Il-Kunsill Lokali tal-Munxar qed jimmassimizza l-użu ta’ fondi lokali u Ewropej sabiex jimplimenta proġetti bħall-Belvedere ġdid fejn se jiġi organizzat dan il-Festival, u kif ukoll sabiex jittella’ dan l-avveniment. Bħala Gvern se nkomplu ninċentivaw aktar kunsilli lokali sabiex itellgħu attivitajiet bħal dawn għal komunitajiet rispettivi,” temmet tgħid is-segretarju parlamentari, filwaqt li ħeġġet lil kulħadd biex għal sena oħra jattendi għal dan il-festival sabiex igawdu minn spettaklu tan-nar u festa tal-ikel fil-Munxar.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport