Thursday, February 13, 2025

ĦAJJA AĦJAR GĦAL PERSUNI B’DIŻABILITÀ

Aqra wkoll

Hu fatt li llum hawn kuxjenza ħafna akbar mis-snin ta’ qabel fejn jidħlu l-persuni b’diżabilità. Persuni li llum qegħdin narawhom jintegraw ruħhom ferm aktar fis-soċjetà. Qegħdin ukoll narawhom jikkontribwixxu fid-dinja tax-xogħol. Fl-isport ukoll qegħdin narawhom jikkontribwixxu u jipparteċipaw.  Parteċipazzjoni u impenn li qegħdin jgħinu lil dawn il-persuni jintegraw u jtejbu l-kwalità tal-ħajja tagħhom.

Il-qasam tad-diżabilità qiegħed jingħata importanza mill-Parlament Ewropew tant li twaqqaf Intergroup  u dan se jkun anke  qed jiltaqa’ mal-Forum Ewropew dwar id-Diżabilità, li hu grupp iffurmat minn 113 organizzazzjoni f’dan il-qasam minn madwar l-Ewropa, inkluż tliet entitajiet minn Malta.   

Illum il-persuni b’diżabilità għandhom opportunitajiet ugwali għal dawk ta’ persuni oħra. Irridu nimmarkaw li l-iżvantaġġi għal dawn il-persuni m’humiex biss dovuti għal nuqqas ta’ aċċessibilità fiżika f’ċertu postijiet, għalkemm din hija wkoll problema kbira li teħtieġ attenzjoni.  

Irid jingħad li l-akbar żvantaġġ li jsofru persuni b’diżabiltà huwa t-trattament li jiltaqgħu miegħu meta jfittxu mpjieg.  Huma biss madwar 50 fil-mija tal-persuni b’diżabilità li għandhom xi forma ta’ impjieg, 25 fil-mija inqas minn dawk li ma jsofru minn ebda diżabilità.  

Dawn huma ċirkostanzi iebsin għal dawn il-persuni, speċjalment meta wieħed iqis li bosta diżabilitajiet jiġu kkaġunati minn inċidenti fuq il-post tax-xogħol jew minħabba strapazz kawżat minn nuqqas ta’ ħarsien tar-regolamenti tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.  Barra minn hekk, persuni b’diżabiltà li jirnexxielhom jipparteċipaw fid-dinja tax-xogħol huma spiss imħallsa inqas minn persuni oħra.    

Nilqgħu il-ħidma tal-Parlament Ewropew  biex il-persuni b’diżabilità jkunu jistgħu igawdu d-drittijiet fundamentali kollha b’mod ugwali kif stabbilit fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità.  Dawn jinkludu d-dritt għal għixien b’dinjità, trattament ugwali, għixien indipendenti, awtonomija u parteċipazzjoni sħiħa fis-soċjetà.  Persuni b’diżabilità għandhom kull dritt jistennew li l-kontribut soċjali, politiku u ekonomiku tagħhom ikun stmat u ta’ valur għas-soċjetà.  

Din il-ħidma tal-Parlament Ewropew qiegħda ssir biex jiġu implimentati diversi miżuri li jippromwovu l-ugwaljanza għall-persuni b’diżabilità.  Dawn jinkludu reviżjonijiet fl-Istrateġija dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, fid-Direttiva dwar l-Apprendistat u t-twaqqif ta’ garanzija dwar l-Impjieg u t-Taħriġ ta’ Persuni b’Diżabilità.

Din il-ħidma għandha twassal biex l-opportunitajiet għal dawn il-persuni jitjiebu u jkun hemm aktar ugwaljanza.  Qasam li diġa mexa ħafna ‘lquddiem u għad hemm ħafna pjanijiet ta’ kif dan il-qasam se jkompli miexi ‘lquddiem.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport