Thursday, May 8, 2025

Ħajti saret iddur mal-basketball u lanqas nimmaġinani mingħajr l-isport – Zaira Ahar

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-basketball?

L-imħabba tiegħi lejn dan l-isport ġie proprjament erba’ snin ilu minn sħabi, fejn kont tħajjart nibda sport ġdid biex insir attiva, allura bdejt il-basketball mal-ikbar ħabiba tiegħi sal-lum il-ġurnata.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek mat-tim ta’ taħt l-14-il sena ta’ Hibernians BC, fejn int ukoll il-captain tat-tim.

F’dawn l-aħħar tliet snin fis-sezzjoni tal-U14, l-esperjenza kienet imdawra b’nies li tant jaħdmu u jridu l- aħjar għal xulxin. Iż-żmien li għaddejt mat-tim ta’ Hibernians ta’ taħt l-14-il sena nista’ ngħid li mhu ħa ninsih qatt. Veru sibna t-tajjeb u l-ħażin, imma mingħajr dawk il-problemi żgħar bejnietna, ma konniex inisbuha daqshekk faċli biex ningħaqdu iktar u nsiru l-aqwa ħbieb ta’ xulxin. B’hekk wasal ir-riżultat li konna qed nistennew.

X’taħseb li kien is-sigriet tas-suċċess wara r-rebħ tal-kampjonat fil-jiem li għaddew?

Inkompli mal-punt li għamilt qabel. Sinċerament, nemmen li l-għaqda bejnietna u d-determinazzjoni kienet waħda mill-iktar affarijiet li għenet fir-rebħa finali. Ovvjament, bl-għajnuna tal-għarfien li għandha l-kowċ tagħna, Nathalie Farrugia, fuq l isport, l-ideat tagħha u tagħna ngħaqdu ħaġa waħda, u għamilna pjan sod għal dik ir-rebħa li tant konna bil-għatx għaliha!

X’tikkummenta fuq il-livell tal-basketball f’pajjiżna fil-preżent?

Mill-perspettiva tiegħi, il-livell li huma l-bniet ta’ tampari huwa impekkabli u ovvjament naħseb li dak is- sens ta’ kompetittivitá inġibuha minn dawk il-logħob li naraw ta’ rġiel u nisa ikbar minnha li juruna t-talent tagħhom matul il-kompetizzjonijiet tagħhom.

U dak tar-riżorsi fejn intom il-plejers titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?

Saru bidliet kbar f’dawn ir-riżorsi minn kif kienu qabel u fil-fehma tiegħi, ir-riżorsi li għandna Ta’ Qali huma biżżejjed biex kulħadd ikun jista’ kemm jilgħab il-logħbiet u f’xi ħinijiet oħrajn jittrenjaw ukoll fih bħalma ġieli għamilna aħna. Dawn ir-riżorsi huma miftuħin għal kulħadd, peró, dejjem jistgħu jiġu immodernizzati l-faċilitajiet preżenti.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-basketball?

Ħajti saret iddur mal-basketball u lanqas nimmaginani mingħajr l-isport f’ħajti. L-għan tiegħi finalment huwa li nsir magħrufa f’pajjiżi u xi darba nagħmel dak li tant ilni naħdem għalih – li nirrapreżenta lil pajjiżi barra minn Malta u nirbaħ lil dawk il-pajjiżi li ma jkunu tilfu kontra ħadd!

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jipprattika l-basketball u jkollu karriera ta’ sucċċss f’dan l-isport.

Messaġġ żgħir li dejjem qaluh lili u dejjem se ngħaddih lil dawk ta’ warajja, huwa dak li meta tidħol għal sport li jintlagħab bħala tim meta tkun trid tirbaħ ma tkunx qed tagħmilha għalik biss imma għal dawk tat- tim miegħek għax mingħajrhom ma tkunx wasalt sa fejn tasal, tirbaħ u tiċċelebra bħala tim u titlef u jiddispjaċik mat-tim ukoll!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport