“Ħallejtna bla kliem u b’qalbna maqsuma. Kont bniedem tal-ġenn, dejjem titbissem, tiċċajta u tixgħel kull fejn tkun”. Hekk iddeskrivew lil Rupert Tabone – l-aħħar vittma ta’ inċident tat-traffiku f’pajjiżna – eks kollegi tiegħu fis-servizz fejn fakkru l-kapaċitajiet tiegħu biex ifferraħ lil ta’ madwaru.
Mhux biss, Tabone jibqa’ mfakkar għall-kapaċitajiet tiegħu fil-kċina tant li kien jieħu f’idejh il-kċina biex jipperpara l-ikel ta’ sħabu. Il-ħiliet tiegħu mhux talli ma ntilfux talli ibnu huwa wieħed mill-kokijiet rinomati li hawn f’pajjiżna.
F’filmati li xerrdu fuq il-midja, eks kollegi ta’ Tabone wrew il-karattru ferrieħi tiegħu li bejn ċajta u oħra kien jimla’ l-qlub ta’ dawk li jkunu mdawrin miegħu bil-ferħ.
Fid-dawl ta’ dan kollu huwa ġie mfakkar ukoll bħala uffiċjal mill-iktar responsabbli li waqt il-qadi ta’ dmirijietu kien jagħmel minn kollox biex jagħti l-aqwa servizz.
Persuna oħra fakkret lil Tabone għall-eżempji tajbin li kien jagħtiha f’ħajjitha u qaltlu li se tħoss ħafna n-nuqqas tiegħu filwaqt li ma tista’ qatt tinsa l-pariri siewja tiegħu mill-esperjenzi li kien jirrakkonta dwar il-ħajja.