Saturday, December 21, 2024

Ħames persuni arrestati wara li aggredew Pulizija fil-Ħamrun

Aqra wkoll

Erbat irġiel u mara, kollha kemm huma Maltin qegħdin jinżammu taħt arrest wara li lbieraħ għall-ħabta 8:30 p.m, aggredew żewġ pulizija waqt il-qadi ta’ dmirijithom fi Triq il-Kbira San Ġużepp, il-Ħamrun.

Il-Pulizija sfaw aggrediti wara li ħarġu taħrika għal karozza li kienet ipparkjata illegalment. Kien f’dan il-punt li ħarġu numru ta’ persuni minn stabbiliment u li bdew jargumentaw mal-pulizija, li taw ordnijiet għaż-żamma tal-ordni pubblika u għall-koperazzjoni tal-persuni kkonċernati.

Ġara li huma injoraw dawn l-ordnijiet u kkawżaw ġrieħi lill-uffiċjali. Il-Pulizija kienu kostretti jużaw il-pepper spray u t-taser. Fuq il-post, waslu aktar pulizija u s-sitwazzjoni ġiet ikkontrollata.

Il-persuni arrestati fuq il-post huma mara ta’ 42 sena u żewġt irġiel ta’ 46 u 44 sena. Mill-investigazzjonijiet irriżulta wkoll li kien hemm żewġ persuni oħra li telqu minn fuq il-post, żewġt irġiel ta’ 23 u 33 sena, li kienu involuti f’dan il-każ u li ġew identifikati minnufih u arrestati mir-residenzi rispettivi tagħhom.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku u ambulanza li ħadet liż-żewġ pulizija l-Isptar Mater Dei għallkura, fejn wieħed ġie ċċertifikat bi ġrieħi gravi u ieħor bi ġrieħi ħfief.

L-investigazzjonijiet talPulizija għadhom għaddejjin.

Aktar kmieni: Persuni arrestati wara li żewġ Pulizija ġew aggrediti fil-Ħamrun

Ilbieraħ filgħaxija ġew arrestati numru ta’ persuni. Dan wara li huma ħebbew għal żewġ uffiċjali tal-Pulizija waqt ġlieda li nqalgħet fil-Ħamrun.

Kien propju l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u x-Xogħol Byron Camilleri li qal dan permezz ta’ messaġġ fuq Facebook, fejn ikkundanna aġir bħal dan.

Il-Ministru Camilleri appella mhux biss għal aktar rispett lejn il-forzi tal-ordni, iżda anke lejn xulxin. Tenna li b’dan għandu jkun rifless ukoll fid-deċiżjonijiet tal-Qorti.

It-Taqsima Korpi Dixxiplinati, Ufficjali tas-Sigurta’ u Infurzar tal-Ligi fi ħdan il-GWU ukoll ikkundannat kull attakk vjolenti li jsir fuq kull ħaddiem waqt il-qadi ta’ dmirijietu.

Intqal ukoll; “Solidarjeta’ mal-Pulizija li matul il-lejl li għadda sfaw aggrediti. Nappellaw l-awtoritajiet kollha kkonċernati sabiex jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa u ssir ġustizzja fi żmien raġjonevoli skont il-liġi”

Ekonomija

Sport