Sunday, November 24, 2024

Ħames persuni jmutu f’maltempata fi Florida

Aqra wkoll

Mill-inqas ħames persuni mietu kaġun tal-maltempata tropikali Debby li laqtet ix-Xlokk tal-Istati Uniti. L-istat ta’ Florida kien l-aktar milqut mill-Uragan Debby qabel ma dgħajjef għal maltempata tropikali. Kif kien mistenni, l-uragan se jġib miegħu għargħar qawwi f’partijiet tal-Ġorġja u l-Carolinas fil-jiem li ġejjin.

Iċ-Ċntru Nazzjonali tal-Uragani wissa dwar it-theddida ta’ għargħar u theddida għall-ħajja hekk kif il-maltempata li qed timxi bil-mod twassal għal xita kontinwa u qawwija.

L-uragan Debby li wasal fuq l-art nhar it-Tnejn filgħodu beda bħala uragan ta’ kategorija wieħed fir-reġjun ta’ Big Bend tal-Kosta tal-Golf ta’ Florida.

L-awtoritajiet qalu li fost il-mejtin kien hemm tifel ta’ 13-il sena li nqatel meta siġra waqgħet fuq il-caravan li kien fiha fil-belt ta’ Levy County, li tinsab qrib Gainesville.

Fil-Kontea ta’ Hillsborough, s-sewwieq ta’ trakk ta’ 18-il rota  instab mejjet wara li t-trakk li kien qed isuq inqaleb f’kanal waqt il-maltemp.

F’Dixie County, eżatt fil-punent ta’ Gainesville, uffiċjali rrappurtaw li mara u tifel ta’ 12-il sena nqatlu meta l-karozza tagħhom ikkraxxjat il-Ħadd bil-lejl.

Fin-Nofsinhar tal-Ġorġja, persuna ta’ 19-il sena ġiet irrappurtata mejta mill-midja tal-lokal wara li siġra kbira waqgħet fuq porch f’dar f’Moultrie.

Fi Florida, madwar 150,000 dar u negozji kienu mingħajr enerġija nhar it-Tnejn filgħaxija, skond PowerOutage.com. 36,000 resident ieħor fil-Ġorġja u South Carolina kienu qed jesperjenzaw qtugħ fil-provvista tal-elettriku.

Qabel ma l-maltempata waslet fuq l-art, il-Gvernatur ta’ Florida Ron DeSantis iddikjara stat ta’ emerġenza għal 61 mis-67 kontea ta’ Florida.

Il-meterjoloġisti bassru li dan l-istaġun tal-uragani, li jibda mill-1 ta’ Ġnju u jibqa’ sat-30 ta’ Novembru, kien se jkun wieħed impenjattiv u qalil.

L-Amministrazzjoni Nazzjonali Oċeanika u Atmosferika (Noaa) qalet li jista’ jkun hemm sa 25 maltempata fl-2024. Bejn tmienja u 13 minn dawk il-maltempati jistgħu jiżviluppaw f’uragani. L-uragan Debby kien ir-raba’ maltempata msemmija tas-sena.

Huwa maħsub li t-tibdil fil-klima jista ‘jagħmel aktar probabbli uragani bħal dawn li jimxu bil-mod.

It-tisħin tal-klima dinjija b’mod irregolari, jikkawża bidliet fiċ-ċirkolazzjoni atmosferika li jmexxu l-maltempati madwar il-pjaneta.

Sport