Friday, May 17, 2024

Hamrun Spartans jegħlbu lil Sliema Wanderers fit-tieni taqsima

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Sliema Wanderers …….0

Hamrun Spartans ……. 2

Hamrun Spartans għelbu lil Sliema Wanderers bl-iskor ta’ 2-0 biex komplew jesponu l-kriżi tal-Wanderers li jinsabu ankrati fil-qiegħ tal-klassifika.

U filwaqt li l-Ħamruniżi qed jidhru li qabdu r-ritmu ta’ riżultati pożittivi, is-Slimi­żi jinsabu f’baħar ta’ nkwiet  hekk kif l-anqas ħolqu azzjoni denja ta’ nota.

Peró fuq nota pożittiva, kellhom perjodi fejn gaw­dew mill-pussess tal-ballun u anke qasmu l-logħob mal-avversarji.

Il-pożizzjoni tagħhom hi­ja ferm inkwetanti meta minn massimu ta’ 33 punt kisbu biss erbgħa … minbarra li għadhom qed ifittxu l-ewwel rebħa tal-istaġun.

Tkun ħasra kbira jekk il-Wanderers jitilfu l-profil tagħhom fl-ogħla diviżjoni hekk kif huma meqjusa fost l-aristokratiċi tal-football Mal­ti!

Kienu l-Ispartans li ħarġu fuq l-offensiva u wara biss disa’ minuti, Faissal El Bakhtaoui li kien qed jirritorna minn sospensjoni, kellu xutt minn barra l-kaxxa li falla l-mira bi ftit.

Fid-29 minuta, huma reġgħu ħolqu l-periklu meta kien l-istess El Bakhtaoui li reġa’ kien il-protagonista din id-darba permezz ta’ xutt fil-baxx minn tarf il-kaxxa li ġie salvat mingħajr wisq diffikultá mill-goalkeeper David Cassar.

Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Hamrun ħarġu ferm aggressivi fit-tentattiv li jiftħu l-iskor u fil-50 minuta El Bakhtaoui ttanta xortih permezz ta’ corner dirett li iżda kien sfortunat minħabba li l-ballun stampa mal-wieqfa.

Iżda l-goal għalihom kellu jasal minuta biss wara meta l-ewwel El Bakhtaoui kellu xutt imblukkat mid-difiża tal-Wanderers, biex mir-rebound il-ballun wasal għand MATTHEW GUILLAUMIER li permezz ta’ xutt sabiħ mill-viċin tefa’ l-ballun fir-rokna tax-xibka.

Kien goal li tahom injezzjoni morali hekk kif bdew jiddominaw territorjalment u ma kienet l-ebda sorpriża li fil-71 minuta rduppjaw permezz ta’ xutt b’saħħtu mill-viċin ta’ FRANKLIN SASERE li ma ta l-ebda ċans lill-goalkeeper Slimiż isalva.

Fil-81 minuta Hamrun kellhom f’saqajhom it-tielet goal iżda xutt mid-distanza ta’ Predrag Djordjevic ħareġ l-aħjar ta’ Cassar li dawwar f’corner b’mod spettakolari, bl-Ispartans ikomplu jamministraw il-vantaġġ komdu li kellhom sat-tmiem.

SLIEMA W.: 24-David Cassar, 3-Juan Pablo Morales Rengifo, 6-Gabriel Aqulina, 10-Inters Gui (77-Carlos Flores 65), 11-Miguel Fernandes (7-John Mintoff 84), 19-Jake Engerer (8-Mark Scerri 65), 25-Yuki Uchida, 30-Jean Paul Farrugia (9-Omar Elouni 70), 61-Myles Beerman, 71-Julis Bilek, 88-Dejan Vukovic – Coach: Andrea Pisanu

HAMRUN S.: 1-Henry Bonello, 6-Matthew Guillaumier, 7-Joseph Mbong, 9-Soufiane Lagzir (17-Franklin Sasere 64), 12-Arthur Oyama (99-Darren Borg 88), 23-Luke Gambin (29-Predrag Djordjevic 78), 30-Karl Micallef, 33-Isaac Ntow (8-Christian Mercieca 64), 44-Claude Dielna, 91-Emerson Marcelina, 92-Faissal El Bakhtaoui (77-Shaisen Attard 88)   – Coach: Mark Buttigieg

REFEREE: Darryl Agius

ASS. REFEREES: Duncan Spencer, Mark Ciantar

RABA’ UFF: Emanuel Grech

SKORERS: M. Guillaumier 51, F. Sasere 71 (HS)

AMMONITI: F. El Bakhtaoui, M. Guillaumier (HS), J. Bliek (SW)

Sport