Friday, May 3, 2024

Koppja Ġermaniża spiċċaw piż fuq Malta… kellhom id-dritt ta’ moviment ħieles ristrett

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Koppja Ġermaniża li ilhom snin jgħixu f’pajjiżna u li qatt ma ħadmu spiċċaw dipendenti fuq is-servizzi soċjali tant li spiċċaw piż fuq il-pajjiż. Huma mhux biss ma kellhomx impjieg imma spiċċaw  jgħixu fuq donazzjonijiet ta’ ikel mill-Bank tal-Ikel fil-Qawra.

Kien fit-13 ta’ Lulju, 2020, meta Florian Kuehn, Ġermaniż, ġie infurmat li l-moviment liberu tiegħu u tal-familja tiegħu f’Malta kien qiegħed jiġi ristrett. Dan għax saru piż mhux raġonevoli fuq is-sistema tal-assistenza soċjali Maltija. 

Jidher li f’dan ir-rigward jirriżulta li kien hemm korrispondenza minn uffiċjali tal-Foundation for Social Welfare Services (FSWS) li ġibdu l-attenzjoni tal-awtoritajiet għall-fatt li Kuehn u s-sieħba tiegħu ma kellhomx impjieg hawn Malta, u dawn spiċċaw dipendenti fuq għotjiet tal-karità sabiex ikunu jistgħu jgħixu.  Hu kien  ġie infurmat li ladarba hu u familtu huma ta’ piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ assistenza soċjali Maltija, id-dritt ta’ moviment liberu tagħhom kien qiegħed jiġi ristrett.

Jirriżulta li l-Aġenzija Identity Malta ġiet ikkuntattjata minn Joseph Antoncich mill-FSWS, li ta deskrizzjoni dettaljata tas-sitwazzjoni li kienet fiha l-familja ta Kuehn, li tinkludi minorenni. Ġie spjegat li wara li saru verifiki dwar din il-familja, ma nstabet ebda informazzjoni li tindika dawn fejn jgħixu, u minn verifiki ulterjuri li saru, irriżulta li fl-2017, din il-familja kienet avviċinat il-Community Service tal-Qawra u talbet l-assistenza. Dan sarr minħabba problemi finanzjarji li kellhom għax Kuehn u s-sieħba tiegħu ma kellhomx impjieg. Irriżulta wkoll li r-rikorrent kien qiegħed jgħajjex lil familtu minn donazzjonijiet tal-ikel li jirċievu minn food banks, u la hu u lanqas is-sieħba tiegħu qatt ma fittxew impjieg hawn Malta. 

Jidher li dawn naqsu milli jikkooperaw mal-ħaddiema soċjali sabiex jippruvaw itejbu s-sitwazzjoni legali u ekonomika li jinsabu fiha, filwaqt li baqgħu jistennew li jingħataw l-għajnuna għall-bżonnijiet tagħhom. 

Minn naħa tiegħu Kuehn sostna li fil-preżent huwa qiegħed jirċievi trattament u terapija għal din id-diżordni mentali. Qal li għamel xi żmien rikoverat fl-Isptar Monte Carmeli. Spjega li n-nuqqas tiegħu li jressaq xhieda jew jagħmel sottomissjonijiet kien dovut għall-fatt li huwa kien għaddej minn perijodu xejn feliċi f’ħajtu, fejn kien qiegħed jesperjenza ansjetà akuta, u saħansitra kien hemm il-ħtieġa li hu jkun rikoverat. 

Il-Qorti f’sentenza li tat qalet tul dawn il-proċeduri Kuehn kien assistit minn avukat tal-fiduċja u tal-għażla tiegħu, u għalhekk huwa kellu min jiggwidah tul dan il-proċess. Il-Qorti tenniet li l-unika ħaġa li kellu jagħmel Kuehn biex jipprova li huwa mhux ta’ piż fuq is-sistema soċjali Maltija, kienet li jippreżenta provi suffiċjenti li juru li huwa għandu mezzi biżżejjed sabiex isostni lilu nnifsu u lid-dipendenti tiegħu. Il-Qorti ċaħdet l-appell tiegħu.

Sport