Mosta ………………… 0
Hamrun Spartans …2
Minn Cristian Muscat
B’wirja konvinċenti, Hamrun Spartans għelbu lil Mosta bl-iskor ta’ 2-0 biex telgħu fil-quċċata tal-klassifika.
B’hekk huma wettqu tpattija sportiva fuq l-istess Mosta, hekk kif fit-tliet konfronti preċedenti Mosta dejjem ħarġu rebbieħa.
Mosta kellhom jgħaddu għal darb’oħra mingħajr is- servizzi ta’ Emmanuel Prince Chibuzor li kien qed jiskonta t-tieni logħba ta’ sospensjoni minn tnejn.
B’kuntrast għall-partita ta’ qabilha bejn Floriana u Marsaxlokk, din il-partita ftit ipproduċiet azzjonijiet denja ta’ nota, speċjalment fit-tieni taqsima.
Hamrun fetħu l-iskor proprju fl-ewwel periklu li ħolqu, fil-11-il minuta, meta JOSEPH MBONG venven xutt sabiħ minn ġol-kaxxa li ma ħafirx.
Huma komplew jiddettaw il-logħob u tmien minuti wara il-Kroat, Roko Prsa, wara li rċieva minn cross mil-lemin, kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu minn taħt il-lasta tintemm ftit għoli.
Mosta wieġbu fit-32 minuta meta xutt mill-viċin ta’ Giancarlo Goncalves ġie salvat f’corner mill-goalkeeper Henry Bonello.
Huma komplew jippressaw fit-tentattiv li jagħmlu l-iskor indaqs u ħames minuti wara, Bonello reġa’ kien l-eroj tal-Ispartans meta salva żewġ xuttijiet fi spazju ta’ ftit sekondi … bl-aħħar wieħed ikun xutt fil-baxx ta’ Prince Afriyie
Iżda, fit-43 minuta, kienu Hamrun li resqu qrib li jirduppjaw meta s-Serb, Ognjen Bjelicic, kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu b’lura tistampa mal-mimduda, b’Mosta jeħilsuha ħafif.
Iżda fil-45 minuta, eżattament qabel tmiem l-ewwel taqsima, l-Ispartans skorjaw it-tieni goal permezz ta’ daqqa ta’ ras preċiża mill-viċin ta’ RAPHAEL LOPES SILVA li ma tat l-ebda ċans lill-goalkeeper, David Udoh Akpan, isalva.
Wara l-mistrieħ, Hamrun naqqsu ftit mir-rendiment tagħhom, b’Mosta jippruvaw iwettqu reazzjoni iżda kien biss fis-86 minuta li ħolqu l-uniku periklu f’din it-tieni taqsima meta wara li rċieva minn free-kick tal-captain Clayton Failla, Matthew Bolanos Garcia kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu wisq fraġli biex seta’ jagħmel xi forma ta’ ħsara bil-goalkeeper Ħamruniż isalva mingħajr wisq tbatija … bil-Ħamruniżi baqgħu jamministraw sas-suffara finali.
MOSTA: 22-David Udoh Akpan, 3-Matthew Garcia Bolanos, 4-Prince Afriyie, 5-Sasha Cachia, 6-James Arthur, 10-Giancarlo Goncalves, 13-Clayton Failla, 21-Nathan Agius (16-Gianluca Sciberras 60), 29-Stephen Chiemezie (7-Jamie Scerri 85), 30-Sunday Okereke, 31-Joao Victor De Souza Teixeira – Coach: Joseph Grech
HAMRUN S.: 1-Henry Bonello, 5-Sven Xerri (4-Steve Borg 50), 10-Joseph Essien Mbong, 12-Roko Prsa (92-Cesar Menacho 64), 14-Elionay Freitas Da Silva, 20-Jovan Cadenovic, 27-Ognjen Bjelicic, 29-Abdoul Kairou Amosutapha, 91-Emerson Marcelina (97-Mihael Klepac 73), 94-Ryan Camenzuli, 99-Raphael Lopes Silva – Coach: Winston Muscat
REFEREE: Fyodor Zammit
ASS. REFEREES: Mark Ciantar, Shaun Calleja
RABA’ UFF: Glen Tonna
SKORERS: J. Mbong 11, R. Lopes Silva 45 (HS)
AMMONITI: N. Agius, G. Goncalves (M), J. E. Mbong (HS)