“Meta tellajt il-bandiera Maltija dak in-nhar li ingħatajna l-ħelsien, quddiemi rajt baħar ta’ nies. Kienu baqgħu telgħin san-naħa ta’ fuq tal-Birgu. Smajnt dik l-għajta tan-nies. Ħassejt fervur f’qalbi, hekk qisha qalbi kienet ħierġa.” Jieqaf mir-rakkont. Jitbissem għal ftit u jerġa’ jisserja. “Tbażjt ukoll”. Nistaqsieh minn xhiex beża’. Jieqaf għal ftit iħares lejn ibnu Charlo u jgħidli “kien hemm Gaddafi. Jien ħadt qatgħa. Dak iż-żmien kien hemm il-kwistjonijiet fid-dinja. Bdejt nibża’ li seta’ jkun hemm xi ħadd l-Isla u jispara”, jgħidilna Alfred Xuereb waqt li jibda jidħak.
Alfred Xuereb illum għandu 91 sena. Hu l-ħaddiem tat-Tarzna li tella’ l-bandiera Maltija dakinhar li ħadna l-ħelsien. Resident f’Dar San Tumas f’Wied il-Għajn, IT-TORĊA iltaqgħet miegħu u tkellimna dwar dak li seħħ dakinhar.
Alfred jgħidilna li “l-istorja bdiet meta kont ix-xogħol fil-Baċir Numru 5. Kont qed nitħaddet max-Ship Manager kif se nqassmu nies bis-sahra għaċ-ċerimonja tal-Ħelsien meta f’daqqa waħda ġie x-shop steward u qalli Xuereb iriduk il-main office. Ħasadn. Għidt x’inqala’? Dak li ġie qalilna kien wieħed minn dawk iż-żgħar, li daħlu u mort naqra ippanikjat u mħasseb. Meta dħalt il-Main Office insib lil Salvu Sant u qalli Xuereb inti nhar il-Ħadd se ttella’ l-bandiera Maltija. Jien Bqajt iccassat. Lanqas kellimtu. Qalli f’idejk ix-xogħol. Qalli se jkun hemm tnejn oħra miegħek wieħed jirrappreżenta lill-ħaddiema tal-gvern u l-ieħor il-ħaddiem tal-Air Ministry. Ngħid li ħasadni. Qalli issa se jeħduk Manoel Island hemm il-ħajjata u jagħmlulek boiler suit.”
Il-provi qabel iċ-ċerimonja
Alfred jirrakkonta li “qabel iċ-ċerimonja saret prova. Din kienet is-Sibt. Ġie Mintoff”. Alfred hawn jieqaf u jibda jagħmlilna l-mossi ta’ kif ġie Mintoff jgħaġġel u mimli enerġija. “Kien qed jidħak”, jgħidilna Alfred. “Ġie fuqi u qalli Xuereb inti llejla se ttella’ l-bandiera Maltija. Se jkun hemm baħri ta’ HMS London. Qalli nieħdu kollox bil-kalma. Waqt il-provi ta’ qabel iċ-ċerimonja, Mintoff beda jgħid dik mhux hekk. Bdew ifarfru r-rampa u hu mar u beda jgħidilhom ħalluha kif inhi għax biex ġibna l-Ħelsien tgħidx kemm batejna. Dar lejja u beda jgħidli indaħħal il-boiler suit fil-boots u nxammar u ll-boots. Lil Boxall qallu biex jaqta’ xagħru. Kien saħaq magħna biex ma noħorġuhx taċ-ċajt.”
Ikompli jgħid li “kien qalli biex meta inkun hemm fuq ma nagħtix kas in-nies. Kif daqq nofs il-lejl il-qniepen bdew idoqqu u anke l-vapuri bdew isaffru u jdoqqu. Kien hemm luzzijiet, u anke vapur t’Għawdex. L-HMS London kien ipparkjat hemmhekk ukoll.”
Jirrakkonta li “kien hemm il-Banda tal-Pulizija u din daqqetparti mill-innu Ingliz. Wara daqqet l-innu Malti. U fl-Innu Malti kien hemm għajat u storbju kbir. Il-folla qisha ma riditx tieqaf tgħajjat. Triq mimlija nies u kienet il-kesħa u l-maltemp. It-triq ippakkata. Iċapċpu. Jibku. Imbagħad tela’ Mintoff u qal erba’ kelmiet tajba. U tela’ ukoll
Anton Buttiġieġ u qara poeżija warrab wiċċek. Hu kien qal li ‘Issa b’Malta f’idejna, nieħdu ħsiebha. Naraw x’hemm u x’hemmx ħalli tibqa’ f’ideina. Mintoff beda jċapċaplu u qiegħdu l-bukketti u inżiltna.”
In-nies baqgħu jgħajtu
‘Viva Malta Ħielsa’
Jgħidilna li “kif inżilna in-nies bdew jgħajtu ‘Viva Malta Ħielsa’. Kien hemm kommossjoni kbira. Kien ġie l-Mexxej Libjan Muammar Gaddafi. Il-Mexxej Libjan kien ġab vapur żgħażagħ li kollha bdew jgħajtu Malta Ħielsa. Kif inżilna mort u irringrazzjajt lil Mintoff u qalli mhux tirringrazzja. Staqsieni iniex kuntent bix-xogħol kif mar. Għedtlu li iva u qalli ‘basta basta.”
Alfred jitkellem magħna bil-bidliet kbar li seħħu wara. Kif ħafna postijiet li qabel kienu f’idejn l-Ingliżi spiċċaw f’idejn il-Maltin. “Il-bidla kienet kbira” itemm jgħid Alfred waqt li jagħmlilna sinjal b’idejh ‘lfuq li juri d-differenza kbira li kien hemm.