Matul Freshers’ Week ta’ din is-sena, il-Bank of Valletta se jkun qed jerġa’ jqarreb il-BOV Club u l-istudenti, billi joffrilhom informazzjoni finanzjarja prattika, diskussjonijiet dwar il-karrieri u attivitajiet interattivi fuq il-kampus imfassla skont il-vjaġġ akkademiku u finanzjarju tagħhom.
Il-BOV se jkun preżenti fl-ITS, fil-Junior College, f’ Sir M. A. Refalo Sixth Form, fil-Giovanni Curmi Higher Secondary School, fl-MCAST u fl-Università ta’ Malta, fejn rappreżentanti se jiltaqgħu mal-istudenti, jiddiskutu l-ħtiġijiet tagħhom u jippreżentawlhom prodotti u servizzi tal-BOV Club rilevanti għall-istudji tagħhom u għall-vjaġġ finanzjarju tagħhom. L-istudenti se jkunu jistgħu jesploraw ukoll opportunitajiet ta’ karriera mal-Bank permezz tal-Programm għall-Gradwati. Dan permezz ta’ diskussjonijiet diretti ma’ rappreżentanti mit-taqsima tal-People and Culture tal-BOV.
L-istudenti li jżuru l-istand tal-BOV Club se jkollhom l-opportunità jieħdu sehem fi kwiżż iffukat fuq il-karatteristiċi u l-benefiċċji tal-BOV Club, filwaqt li jiġu mistiedna wkoll jaqsmu l-fehmiet tagħhom dwar il-klabb u l-esperjenza tagħhom bħala studenti. Ir-rispons li jinġabar, se jkun qed jgħin lill-Bank ikompli jfassal l-offerta tiegħu għall-istudenti skont il-ħtiġijiet tagħhom li dejjem qed jevolvu. Tliet parteċipanti se jkollhom iċ-ċans jirbħu iPhone 17 kull wieħed. L-istudenti li jieħdu sehem fil-kwiżż se jirċievu wkoll kard Scratch & Win, b’kull kard tikxef oġġett promozzjonali tal-BOV li jkun jista’ jinġabar mill-ewwel mill-istand.
L-attività ta’ din is-sena se tintroduċi wkoll Reflex Challenge ġdida fuq l-istands ta’ Giovanni Curmi Higher Secondary School, fl-Università ta’ Malta u fl-MCAST ta’ Raħal Ġdid. Il-parteċipanti se jkollhom 30 sekonda biex imissu kemm jista’ jkun sensors mixgħula, bil-parteċipant li jikseb l-ogħla punteġġ f’kull istituzzjoni jirċievi voucher One4All ta’ €150, l-istudenti li jikklassifikaw fit-tieni post, jirbħu voucher One4All ta’ €100 u l-istudenti li jiġu fit-tielet post, jirbħu voucher One4All ta’ €50. Sfidi bħal dawn li ġew organizzati fuq l-istand tal-BOV Club tul l-aħħar sentejn attiraw aktar minn 2,000 parteċipant.
Barra minn hekk, sabiex ikompli jqajjem kuxjenza dwar scams u frodi, il-Bank se jagħti lill-istudenti l-opportunità li jieħdu sehem fi kwiżż dwar l-għarfien fuq l-iscams. Tliet parteċipanti se jkollhom iċ-ċans jirbħu gaming set magħmul minn ASUS TUF A16″ FHD Gaming Laptop u JBL Tune 670NC Noise-Cancelling Headphones.
F’kollaborazzjoni ma’ Andrew’s Snack Bar, il-Bank se jniedi uffiċjalment il-BOV Club Ftira matul Freshers’ Week. Il-BOV Club Ftira se tkun ukoll disponibbli bħala parti mill-menu ta’ Andrew’s matul dan il-perjodu.
Bħala parti wkoll mill-inizjattiva ta’ din is-sena, il-Bank se jkun qed joffri għadd limitat ta’ abbonamenti b’xejn għal sitt xhur mat-Times of Malta, biex jgħin lill-istudenti jibqgħu infurmati dwar il-ġrajjiet kurrenti matul is-sena akkademika tagħhom. L-istudenti jistgħu jibbenefikaw minn din l-offerta abbażi ta’ min japplika l-ewwel, billi jiskennjaw kodiċi QR fl-istand tal-BOV u jimlew formola qasira ta’ reġistrazzjoni, u wara jirċievu l-istruzzjonijiet biex jattivaw l-abbonament.
Permezz tal-BOV Club, il-Bank qed ikompli jinvesti f’relazzjonijiet fit-tul mal-komunità tal-istudenti billi jgħaqqad l-appoġġ bankarju ta’ kuljum ma’ aċċess għal informazzjoni, għodod diġitali u opportunitajiet li jistgħu jgħinu liż-żgħażagħ jagħmlu l-pass li jmiss f’ħajjithom b’kunfidenza. Il-BOV Club huwa mfassal għal studenti eliġibbli ta’ bejn is-16 u t-30 sena, u joffri prodotti bankarji, servizzi diġitali u għażliet ta’ finanzjament li jappoġġjawhom matul l-istudji tagħhom u lil hinn minnhom. Aktar informazzjoni dwar il-klabb, inklużi l-kriterji ta’ eliġibbiltà u t-termini u l-kundizzjonijiet applikabbli, hija disponibbli fuq www.bov.com/bov-club.
