Sunday, December 22, 2024

Ħati li weġġa’ liż-żiemel fil-parti tiegħu bil-konsegwenza li sfratta u darab 3 persuni

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

Raġel Malti ġie kkundannat 20 xhar ħabs sospiżi għal tlett snin u ġie mmultat €500 wara li nstab ħati li f’Lulju tal-2018, sawwat liż-żiemel tiegħu fil-parti privata u minħabba f’hekk iż-żiemel sfratta għal fuq in-nies u weġġa’ tliet persuni fir-Rabat Għawdex. Huwa nstab ħati għal fatt li ż-żiemel tiegħu kien qiegħed isofri minn tbatija.

L-ewwel qorti, li kienet pproseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, ir-raġel instab ħati li żamm annimali u ma pprovdielhomx ambjent xieraq fejn jgħixu. Minħabba li tratta l-annimali b’dan il-mod ġie immultat €500.

Fil-Qorti instema li dakinhar tat-tiġrija, ir-raġel u t-tifel tiegħu kienu qegħdin jistennew it-tiġrija tibda. Waqt li kienu qed iżommu ż-żiemel, ir-raġel allegatament sawwat liż-żiemel ġol parti tiegħu, bil-konsegwenza li dan irvilla u baqa’ dieħel fuq tlett min-nies. Minħabba dik ir-raġuni, wieħed mit-tliet vittmi, spiċċa jsofri minn diżabilità permanenti.

Ir-raġel li nstab ħati appella s-sentenza u qal li l-prosekuzzjoni ma urietx il-filmati tal-kameras li kien hemm fuq il-post fejn seħħ l-inċident. Stqarr li l-piena kienet waħda eċċessiva għax sostna li minkejja dan l-inċident, ma hemm l-ebda akkużi simili. Dan filwaqt li qal li x-xhieda kkontradixxiet lilha nnifisha.

Fil-Qorti tal-Appell ġie innutat li hemm żewġ verżjonijiet opposti. Il-prosekuzzjoni min-naħa tagħha allegat li ż-żiemel sfratta minħabba li qala daqqa fil-parti tiegħu bil-frostin mis-sid. Xhieda oħra preżenti qalet li l-konsegwenza li ż-żiemel sfratta kien għax tnaffar minn żiemel ieħor

Il-Qorti tal-Appell kienet ipproseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera. Ġie ikkonfermat minnha s-sentenza tal-ewwel qorti minħabba r-raġuni li kien hemm xhieda li raw kolllox iseħħ quddiem għajnejhom u kien hemm oħrajn li għarfu lill-akkużat.

Ekonomija

Sport