Friday, April 11, 2025

Heritage Malta u l-Aġenzija Maltija tal-Ikel jissieħbu biex isaħħu l-industrija tal-ikel lokali

Aqra wkoll

Heritage Malta u l-Aġenzija Maltija tal-Ikel iffirmaw ftehim li jsaħħaħ il-kollaborazzjoni tagħhom fil-promozzjoni tal-wirt għani tal-ikel ta’ Malta u fl-appoġġ lill-industrija tal-ikel lokali.

L-ikel huwa parti integrali mill-wirt kulturali tagħna, li Heritage Malta hija fdata biex tissalvagwardjah. Is-sħubija l-ġdida ta’ Heritage Malta mal-Aġenzija Maltija tal-Ikel, li tipprovdi servizzi pubbliċi relatati mal-ikel li ġej mill-biedja u s-sajd, tkompli din il-missjoni.

Il-ftehim jiddeskrivi qafas li jgħaqqad flimkien l-isforzi taż-żewġ entitajiet biex jgħollu l-pożizzjoni tal-prodotti tal-ikel Maltin u l-istorja tagħhom, kemm lokalment kif ukoll internazzjonalment.

Permezz ta’ din is-sħubija strateġika, iż-żewġ entitajiet se jaħdmu flimkien biex irawmu l-għarfien, l-iżvilupp u s-sostenibbiltà fl-industrija tal-ikel. L-oqsma ewlenin ta’ kollaborazzjoni jinkludu t-tisħiħ tal-prodotti u l-produtturi tal-ikel lokali fuq skala globali u l-esplorazzjoni ta’ opportunitajiet għal koperazzjoni internazzjonali u inizjattivi kummerċjali li jżidu l-valur għall-ikel
u l-wirt tal-ikel lokali.

Iż-żewġ entitajiet se jikkollaboraw biex iżidu l-opportunitajiet għall-istakeholders fl-industrija tal-ikel lokali bl-għan li jtejbu lħiliet u l-għarfien tagħhom, u jħeġġu djalogu fir-rigward tal-industrija. Il-ftehim jiffaċilita wkoll proġetti konġunti ta’ riċerka, inizjattivi ta’ innovazzjoni, u qsim tat-teknoloġija, filwaqt li jistabbilixxi l-interess reċiproku tal-imsieħba li joħolqu flimkien prodotti ġodda tal-ikel.

Noel Zammit, il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, irrimarka li: “Ninsabu ħerqanin biex nesploraw l-opportunitajiet ta’ espansjoni fis-settur tal-ikel lokali li qed jinħolqu permezz ta’ dan il-ftehim.

L-ikel ta’ pajjiżna jixraqlu apprezzament akbar u laqwa pjattaformi fejn jista’ jiffjorixxi. Heritage Malta ilha trawwem apprezzament aktar profond tal-ikel lokali permezz talfergħa gastronomika tagħha, Taste History – kunċett innovattiv fejn tim professjonali ta’ kuraturi u kokijiet jgħaqqdu ħiliethom biex joħolqu ikliet ta’ sekli ilu, ispirati minn riċerka f’arkivji, artefatti u pitturi.”

Brian Vella, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Maltija tal-Ikel, saħaq li: “Din il-kollaborazzjoni timmarka pass importanti lejn li niċċelebraw u ngħollu l-identità unika tal-ikel ta’ Malta. Billi ngħaqqdu l-isforzi tagħna ma’ dawk ta’ Heritage Malta, m’aħniex biss inħarsu d-drawwiet kulinari tagħna iżda wkoll ngħinu lill-produtturi lokali u niftħu mogħdijiet ġodda li jwasslu għal innovazzjoni u rikonoxximent internazzjonali.

Flimkien nimmiraw li niżguraw li l-ikel Malti ma jkunx biss imfakkar iżda wkoll
esperjenzat u gawdut mill-ġenerazzjonijiet futuri, lokalment u lil hinn minn xtutna.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport