Tuesday, April 30, 2024

Hibernians jibqgħu b’punti massimi minn tliet logħbiet

Aqra wkoll

Ritratt: Christine Borg

Sirens ………….1

Hibernians …….3

Hibernians għamluhom tliet rebħiet minn tliet logħbiet hekk kif għelbu lil Sirens bl-iskor ta’ 3-1.

Żewġ goals fl-ewwel 18-il minuta taw l-impressjoni li kienet se tkun rebħa faċli iżda fit-tieni taqsima Sirens reġgħu daħlu fil-logħba b’goal tard peró l-Pawlisti kienu pronti rrispondew b’goal ieħor biex serrħu rashom mit-tliet punti.

Għal Hibs irritorna Jur­gen Degabriele li ħa post Erjon Beu. Sirens, min-naħa tagħhom għamlu erba’ bidliet hekk kif iddebuttaw il-goalkeeper Jonathan Debono, d-difensur Kolombjan Jair Antonio Blanco Prado u l-attakkant Brażiljan Vitor Vieira u daħal lura Ismael Borg.

Fl-14-il minuta, Hibernians fetħu l-iskor meta Thaylor temm ġirja tajba fuq il-lemin bi cross lejn JURGEN DEGABRIELE li daħal tajjeb u spara fix-xibka. Erba’ minuti wara, il-Paw­listi għamluhom tnejn meta ġew mogħtija penalty wara li Thaylor ġie mwaqqa’ fil-kaxxa minn Ismael Borg u JAKE GRECH ma żbaljax.

Hibs baqgħu jagħfsu u fl-20 minuta kien Jurgen Degab­riele li kellu xutt fil-baxx imblukkat u żewġ minuti wara minn azzjoni ta’ free-kick, daqqa ta’ ras ta’ Andrei Agius ġiet salvata b’diffikultá minn Jonathan Debono għal corner.

Mal-45 minuta logħob, il-Pawlisti reġgħu resqu viċin iżda d-daqqa ta’ ras ta’ Ra­phael spiċċat f’corner.

Fit-tieni taqsima, Sirens ippruvaw ikunu aktar avventurużi filwaqt li Hibernians dehru komdi jikkontrollaw lill-avversarji tagħhom.

Fid-59 minuta, free-kick ta’ Kemar Reid spiċċa ftit għoli waqt li fit-72 minuta shot-cross ta’ Zammit Lonardelli ġie salvat minn Ibrahim Kone. Fit-82 minuta, Sirens naq­qsu l-iskor meta xutt mil-lemin ta’ Effiong ġie mblukkat fuq il-linja minn Apap iżda mir-rebound, BOGDAN GAVRILA għeleb lil Kone.

Iżda tliet minuti wara, Hibs kabbru l-vantaġġ meta minn free-kick ta’ Gabriel Izquier, il-ballun ġie mxellef lejn WILFRIED DOMORAUD li bir-ras għeleb lil Debono.

SIRENS: 1-Jonathan Debono, 2-Jair Antonio Blanco Pardo, 6-Ismael Borg (94-Degran Jackson 46), 8-Rei Tachikawa (7-Bogdan Gavrila 66), 10-Vitor Vieira, 15-Adrian Borg, 17-Jacob Walker, 20-Fernando Brandan, 21-Carlo Zammit Lonardelli (11-Alfred Effiong 79), 96-Luis Carlos Riascos, 99-Kemar Reid  – Coach: Winston Muscat

HIBERNIANS: 24-Ibrahim Kone, 3-Ferdinando Apap (5-Matthew Ellul 90), 4-Leandro Almeida (13-Zachary Grech 88), 6-Sergio Raphael dos Anjos, 8-Jake Grech (19-Francis Mensah 90), 10-Jurgen Degabriele (7-Ayrton Attard 78), 12-Dunstan Vella, 18-Thaylor Aldama (2-Timothy Tabone Desira 88), 20-Andrei Agius, 22-Gabriel Artiles, 88-Wilfried Domoraud  – Coach: Stefano Sanderra

REFEREE: Stefan Pace

ASS. REFEREES: Roberto Vella, Paul Apap

RABA’ UFF: Andrea Sciriha

SKORERS: J. Degabriele 14,  J. Grech 18 pen, W. Domoraud 85 (H); B. Gavrila 82 (S)

AMMONITI: D. Jackson (S); G. Artiles, R. dos Anjos, A. Agius (H)

PLAYER TAL-LOGĦBA: Thaylor Aldama (Hibs)

Sport