Saturday, May 4, 2024

Hibernians miżmuma minn Floriana iżda ……

Aqra wkoll

Hibernians ……….0

Floriana ……………0

Minkejja li Floriana lagħbu l-aqwa partita tagħhom s’issa fil-kampjonat, huma ġew imċaħħda minn reb­ħa kontra Hibernians me­ta skorjaw goal leġittimu li ġie senjalat għal offside ineżistenti mill-assistent referee … biex kellhom jikkuntentaw bi draw ta’ mingħajr goals.

Iż-żewġ timijiet kellhom żewġ bidliet mill-aħħar ħarġa tagħhom hekk kif Timothy Tabone Desira u Leandro Almeida ħadu post Matthew Ellul u Thaylor Aldama għal Hibernians waqt li Kristian Keqi u Jan Busuttil bdew minflok Augusto Caseres u Brandon Paiber għal Floriana.

Kienu Floriana li ħarġu l-aħjar u marru qrib fil-11-il minuta meta Keqi rċieva ballun fil-kaxxa u wara li kkontrolla tefa’ ftit barra.

Fl-20 minuta, Busuttil kien sfortunat li ma tefax lil Floriana minn fuq hekk kif irċieva pass ta’ Camenzuli bil-konklużjoni tiegħu telgħeb lil Kone iżda laqtet sieq il-lasta. Żewġ minuti wara, xutt minn barra l-kaxxa ta’ Camenzuli ġie mdawwar f’corner minn Kone.

Il-Furjaniżi komplew jippersistu u fid-29 minuta, Camenzuli fetaħ tajjeb fuq Ciolacu iżda l-konklużjoni ta’ dan ta’ l-aħħar falliet il-mira bi ftit. Fit-38 minuta, corner ta’ Busuttil ħoloq konfużjoni fil-kaxxa iżda l-periklu ġie kklerjat.

It-tieni taqsima fetħet fuq nota ferm aktar kwieta u fit-63 minuta Jake Grech xeħet cross insidjuż iżda Jurgen Degab­riele naqas milli jikkonkludi minn pożizzjoni ideali għal Hibernians.

Fit-80 minuta, Arias għadda ballun tajjeb lejn is-sostitut Daniel Agius iżda t-tentattiv tiegħu minn barra l-kaxxa għadda ftit għoli.

Tliet minuti wara waslet l-azzjoni tal-goal ta’ Floriana meta Kristian Keqi, li kien  f’pożizzjoni leġittima, irċieva l-ballun u minn pożizzjoni angolata xeħet il-ballun fir-rokna tax-xibka.

Madankollu, l-assistent re­feree għolla l-bandiera għal offside ineżistenti … peró kulħadd huwa uman u suġġett għall-iżbalji ….

HIBERNIANS: 24-Ibrahim Kone, 2-Timothy Tabone Desira (13-Zachary Grech 46), 3-Ferdinando Apap, 4-Leandro Almeida, 8-Jake Grech, 10-Jurgen Degabriele (18-Thaylor Aldama 82’), 11-Bjorn Kristensen, 12-Dunstan Vella, 20-Andrei Agius, 22-Gabriel Izquier Artiles, 88-Wilfried Domoraud  – Coach: Stefano Sanderra

FLORIANA: 33-Georgi Kitanov, 2-Adam Magri Overend, 3-Christian Rutjens, 4-Oualid El Hasni (28-Emiliano Callegari 89), 5-Zachary Cassar, 9-Kristian Keqi (22-Brandon Paiber 88), 10-Ulises Jose Arias, 11-Andrei Ciolacu (29-Eugeniu Rebenja 88), 20-Matias Nicolas Garcia, 30-Jan Busuttil (96-Da­niel Agius 78), 94-Ryan Camenzuli  – Coach: Gianluca Atzori

REFEREE: Alex Johnson

ASS. REFEREES: Edward Spiteri, Paul Apap

RABA’ UFF: Stefan Pace

AMMONITI: C. Rutjens, U. Arias, M. Garcia (F); W. Domoraud, F. Apap, B. Kristensen (H)

Sport