Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett stqarr li huwa għamel enfasi sabiex ix-xogħlijiet li qed isiru minn Infrastracture Malta biex torganizza aħjar l-infrastruttura tar-roundabout ta’ Ħal Qormi – Ħal Luqa Junction u l-madwar u l-proġett li qed isir f’Tal-Barrani, jitlestew qabel il-bidu tas-sena skolastika li jmiss.
Meta lbieraħ kien qed jitkellem waqt il-programm Paper Scan fuq ONE Radio, il-Ministru Bonett qal ukoll li se jkun hemm inizjattivi oħra li se jieħu l-Ministeru li tiegħu huwa responsabbli flimkien ma’ Transport Malta sabiex naraw li r-ritorn għall-iskola “li ġeneralment iġib uġigħ ta’ ras fit-toroq tagħna” ikun kemm jista’ jkun mitigat.
Huwa tkellem ukoll dwar il-proġett tal-Imsida Creek u qal li dan għadu ma bediex fuq deċiżjoni tiegħu. “Meta konna ltqajna mal-entitajiet konċernati kif ukoll mal-kuntratturi, iil-Project Management Plan li kien sottomess, ma kontx sodisfatt bih.”
“Tkellimna internament, anke mal-Prim Ministru. Tajt garanziji li qabel ma jkun hemm Project Traffic Managament li nkunu sodisfatti bih, u li jkunu sodisfatti bih ir-residenti tal-Imsida, il-proġett ma jibdiex,” qal il-Ministru Bonett.
Huwa tenna li “jidher li jekk l-affarijiet jibqgħu sejrin tajjeb, fil-bidu ta’ Novembru, dan il-proġett ikun jista’ jibda wkoll.”