Monday, April 7, 2025

ĦIDMA GĦAL AKTAR SIGURTÀ FIL-LOKALITAJIET

Aqra wkoll

Il-Gvern deјјem ħadem qatigħ favur sigurtà msaħħa għall-familji Maltin u Għawdxin fil-lokalitajiet tagħna, b’mod partikolari f’postiјiet ta’ divertiment fejn ikunu frekwentati minn għadd kbir ta’ żgħażagħ u anke adulti. 

F’dan l-ambitu, proprju fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, tħabbar illi se jkun qiegħed jitwettaq proġett li se jara l-installazzjoni ta’ CCTV cameras f’lokalitajiet differenti li jfisser li dawn iż-żoni se jkunu sorveljati 24 siegħa kuljum.

Fost dawn hemm Paceville, li mis-sajf li ġej ser ikun sorveljat permezz ta’ aktar minn 40 camera, bil-għan li dan iservi bħala deterrent għal ċertu attività u kriminalità f’din iż-żona ta’ divertiment. Filwaqt li l-Pulizija topera aktar intelligence-led policing b’azzjoni immedjata. 

Din hija miżura oħra tal-Budget li se nkunu qed naraw it-twettiq tagħha fi proġett b’investiment li jaqbeż iż-żewġ miljun ewro u li se jkun mifrux f’erba’ lokalitajiet fosthom kif diġà ngħad f’Paceville. Il-lokalitajiet l-oħra se jkunu San Pawl il-Baħar, il-Marsa u Raħal Ġdid. 

Nifhmu li din il-miżura se tkun qiegħda sservi ta’ deterrent biex tkompli tonqos il-kriminalità, l-istess bħalma rajna bl-introduzzjoni tal-body cams li ħalliet l-effett tagħha tant li naqset il-vjolenza fuq l-uffiċjali tal-pulizija – xi ħaġa li rajnieha kostanti sena wara l-oħra. Hija wkoll riflessjoni tal-impatt li ħalliet l-użu tat-teknoloġija fuq il-protezzjoni ta’ dawn l-uffiċjali.

Għalhekk, dan l-investiment fit-teknoloġija se jkun qiegħed jingħaqad ma’ kullana ta’ inizjattivi oħra li diġà ħallew riżultati pożittivi. Jorbot ukoll mal-irwol tal-Pulizija li tassigura li tinżamm l-ordni u biex tkompli tissaħħaħ is-sigurtà fil-pajjiż. Kif għadna kemm-il darba, il-ħidma tagħhom xi kultant taf issib ma’ wiċċha ħafna sorpriżi, għaliex f’kull reat li jseħħ jiffaċċjaw ċirkostanzi differenti.

U huwa għalhekk ukoll li nemmnu li kien hemm bżonn li jsir dan l-investiment f’dawn is-CCTV cameras, li se jservi ta’ ġid mhux biss għal min ikun qiegħed jiffrekwenta dawn iż-żoni imma wkoll għall-entitajiet kummerċjali. B’hekk l-awtoritajiet jistgħu jaħdmu f’forma ta’ intelligence b’mod aktar pro-attiv.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport