Thursday, April 18, 2024

Ħin diċenti maż-żewġ ġenituri… il-fenomenu tal-Parental Alienation

Aqra wkoll

F’pajjiżna qed niltaqgħu dejjem iżjed ma-fenomenu tal-Parental Alienation. Dan iseħħ meta jkollna każijiet fejn ġenitur partikolari litteralment jibda jgħawwi lil uliedu kontra l-ġenitur l-ieħor. Dan jista’ jsir b’diversi modi u hemm diversi livelli ta’ aljenazzjoni. Ġenitur jista’ jgħid affarijiet ħżiena dwar il-ġenitur l-ieħor. Kwalunkwe ħaġa jew diskors li taqta’ t-tfal mill-ġenitur l-ieħor tista’ twassal għal Parental Alienation. Irrridu ngħid li f’dawn il-każi, ta’ spiss, il-ġenitur li jaljena jsib l-għajnuna ta’ xi sieħeb jew ta’ persuni oħra. 

Din il-pjaga, għax dawk li jgħaddu minnha jgħaddu minn infern sħiħ, ftit tax-xhur ilu kienet fuq l-aġenda tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) iddikjarat dan l-aġir bħala kundizzjoni fis-saħħa mentali li tikkostitwixxi vjolenza domestika kontra t-tfal u l-ġenitur aljenat. 

Nemmnu li quddiem is-sitwazzjoni tas-separazzjonijiet u l-kwistjonijiet li jinqalgħu, meta jkun hemm qbil bejn il-ġenituri, it-tfal igawdu. Biex ikun hemm qbil, dment illi l-ġenituri vera jħobbu lil uliedhom, huma jridu jagħmlu minn kollox biex kwalunkwe nuqqas ta’ qbil bejniethom, żgħir jew kbir, it-tfal ma jiddaħħlux fin-nofs. 

Nemmnu li l-ġenituri jridu jifhmu li t-tfal mhumiex proprjetà u l-ebda ġenitur m’għandu monopolju biex irabbi lil uliedu kif irid hu jew hi. Hu essenzjali li sakemm ma jkunx hemm raġuni gravi u valida, it-tfal iqattgħu ħin diċenti maż-żewġ ġenituri għax dan hu l-aqwa trobbija u stabbilità li wieħed jista’ jagħti lit-tfal tagħna. Hu essenzjali l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna jifhmu dan sew, u jġibu ruħhom ta’ vera fl-interess tat-tfal bil-fatti u mhux bil-kliem! 

Meta t-tfal jitrabbew mal-omm biss jew mal-missier biss, f’każijiet li possibilment ikun hemm parteċipazzjoni attiva miż-żewġ ġenituri, lit-tfal inkunu nonqsuhom mid-dritt li għandhom li jitrabbew miż-żewġ ġenituri. Fl-assenza ta’ trobbija attiva ta’ wieħed mill-ġenituri, it-tfal ikunu f’riskju li ssirilhom ħsara emozzjonali u psikoloġika, ħsara li ħafna drabi tibqa’ magħhom tul ħajjithom kollha.

Nemmnu li f’pajjiżna għandna probelma fejn awtoritajiet jibżgħu jitilqu minn dak li hu n-norma, u allura ħafna drabi jispiċċa biex ma jsir xejn. Parental Alienation hi forma ta’ vjolenza domestika kiefra li tagħmel ħafna ħsara u li tista’ twassal għall-imwiet bħal suwiċidju. 

Sfortunatament din il-problema ma tidhirx fil-pubbliku. Ħafna jbatu fis-silenzju. Sfortunatament, din il-problema ta’ parental alienation qed tinfirex. Bħal donnu qed issir xejra, li kif ikun hemm problema bejn il-ġenituri, xi wieħed mill-ġenituri jibda jirrikorri għal parental alienation. 

Nemmnu li l-Parental Alienation twassal biex ġenitur u tfal ibatu b’mod immedjat, iżda mal-firxa taż-żmien, dan iwassal biex iktar nies ibatu u jkun hemm ukoll prezz ekonomiku u soċjali. Irridu nenfasizzaw li numru żgħir ta’ vittmi jaslu li saħansitra jagħmlu suwiċidju meta jaraw li mhux qed jiġu emmnuti; jiġu deskritti bħala nies ħżiena m’uliedhom stess, isibu ruħhom fi problemi kbar finanzjarji minħabba l-ispejjes esaġerati tal-proċeduri legali, il-bżonn li min ikun irid isib post ieħor fejn jgħix flimkien mal-impenn tal-manteniment tat-tfal.

Nemmnu li hemm bżonn kampanji ta’ edukazzjoni fost il-poplu tagħna dwar din il-pjaga. Min juża dan l-aġir jew din l-arma, irid jifhem li biha jkun qed jikkawża ħsara u tbatija kbira lil uliedu stess.

Ekonomija

Sport