Friday, May 3, 2024

ĦITAN

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Jista’ pajjiż jara kif iħares il-wirt tradizzjonali tiegħu, inkluż dak ekonomiku, billi jibni ħitan ta’ protezzjoni mill-bqija tad-dinja?

L-uniku pajjiż li għadu jipprova jagħmel dan b’mod “assolut” hu l-Korea ta’ Fuq, b’reġim dittatorjali li ma jattira lil ħadd, l-anqas lil dawk il-pajjiżi li juru ruħhom bħala alleati tiegħu. Mill-bqija, minkejja l-istqarrijiet favur il-kummerċ ħieles u l-benna tal-globalizzazzjoni, kull pajjiż tista’ tgħid jipprova joħloq ħitan madwar xi parti mill-istruttura soċjali jew ekonomika tiegħu biex ma jħallihiex “tinbela’”. Inkluż l-Istati Uniti mitqiesa bħala apostlu tal-globalizzazzjoni.

Minkejja l-messaġġi li baqgħu joħorġu favur il-benefiċċji tagħha, il-protezzjoni għadha titqies importanti. Il-preservazzjoni ta’ kisbiet nazzjonali f’oqsma differenti tiggarantixxi li l-ħajja umana tibqa’ żżomm varjazzjoni sħiħa fil-mod kif tiżviluppa. Il-mistoqsija hi kemm dal-ħarsien se jibqa’ vijabbli u possibbli.

MALTA ĦANINA

Il-ġbir ta’ fondi li jsir għal żmien il-Milied isaħħaħ il-fehma ta’ bosta Maltin li aħna poplu ġeneruż. U tassew, meta tinqala’ xi kriżi u tqum sejħa għal kontribuzzjonijiet ta’ fondi, il-konkorrenza tkun qawwija u sostnuta.

L-għajta ta’ “Malta Ħanina” għadha popolari. Eks-ambaxxatur Franċiż lil Malta u kittieb prolifiku Daniel Rondeau għamilha t-titolu tal-ktieb tiegħu dwar dal-pajjiż.

Biss imbagħad, fil-qofol tal-mod kif inqisu u nittrattaw lil barranin li jkunu fostna jew li nġibu ruħna lejhom “mill-bogħod”, tassew jinstab l-istess sentiment ta’ solidarjetà u “ħniena”?

Ġieli iva. Imma f’numru kbir ta’ każi t-tweġiba jkollha tkun: le.

MINN TAĦT

Kemm huma dawk u min huma dawk li jinsabu tassew minn taħt? Għax anke dil-materja spiċċat polarizzata b’naħa tinsisti li kważi ninsabu f’ġenna tal-art fejn kulħadd jgħix fl-aqwa ċirkostanzi tal-għajxein; u naħa titbekka l-faqar u l-għaks li tilmaħ ma’ kull kantuniera.

Hi ħaġa ovvja li numru sostanzjali ħafna ta’ ċittadini jinsabu f’qagħda materjalment tajba (li dejjem tista’ titjieb). Hu ugwalment evidenti li l-istess ma jistax jingħad għal numru mhux żgħir ta’ ċittadini oħra. Biss, ir-raġunijiet mhux dejjem jintrabtu ma kemm jaqilgħu jew ma jaqilgħux. Ikunu wkoll marbuta ma’ kemm spejjċż jinsabu mgħobbija bihom; ma’ kemm nies iridu jmantnu; ma’ problemi ta’ saħħa, ta’ addizzjoni, ta’ żvantaġġi soċjali miruta – u fatturi oħrajn.

Aktar ma tinżamm stampa ċara, mhux politikament polarizzata tal-problemi li jeżistu għal min jinsab minn taħt, aktar dawn ikunu jistgħu jiġu ffaċċjati mill-istat u mis-soċjetà b’effiċjenza.

U lanqas f’eżerċizzju hekk, ma rridu neskludu lil dawk fostna li huma barranin.

L-isbaħ xewqat għal Sena Ġdida 2024 mimlija riżq lill-Editur, staff u qarrejja ta’ talk.mt u l-familji tagħhom.

Sport