Monday, May 13, 2024

Hockey: Qormi Daikin jirbħu n-Knock-Out

Aqra wkoll

Qormi Daikin rebħu l-kompetizzjoni knock-out meta għelbu liċ-champions tal-kampjonat Trust Payments Floriana Young Stars 4-1.

Il-Qriema, li rebħu wkoll is-Super Cup ix-xahar l-ieħor, kellhom it-tieni quarter perfett hekk kif skorjaw tliet gowls u dan witta t-triq għar-rebħa kbira tagħhom.

Wara skor ta’ 0-0 fl-ewwel quarter, il-Qriema ħarġu tajjeb fit-tieni quarter tant li skorjaw permezz ta’ Kyle Micallef, Juan Sarcia u l-captain Steve Tanti.

Fit-tielet quarter Kyle Micallef għaqqad doppjetta personali u r-raba’ wieħed għal Qormi sakemm Andrea Curmi naqqas il-marġni tal-iskor għall-Furjaniżi.

Fi tmiem il-konfront, il-president tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Hockey Gordon Mifsud ippreżenta t-tazza tan-KO lill-captain ta’ Qormi Daikin Steve Tanti.

Umpires kienu Alessandro Amore u Luke Busuttil Leaver.

F’logħba mill-hockey 7s, Qormi u Rabat spiċċaw fi draw ta’ 2-2.

Nicole Zammit u Nathan Pace Gasan skorja għall-Qriema, bir-Rabtin jirrispondu grazzi għal James Azzopardi li skorja doppjetta.

Umpires kienu Glen Bonello u Edward Hughes.

Sadanittant, Marsaskala Heat kellhom tmiem il-ġimgħa ta’ suċċess hekk kif it-timijiet tagħhom rebħu l-kampjonat tal-kategorija rispettiva tagħhom.

Fil-fatt fil-kampjonat ta’ taħt is-16-il sena, l-Iskalin rebħu lil Qormi Daikin 8-2.

Kane Zammit u Jerome Carabott skorjaw tliet gowls kull wieħed b’Alessandro Piscopo u Yan Camilleri jżidu aktar gowls għat-tim tagħhom.

Liam Carabott u Sam Cassar naqqsu l-marġni tal-iskor għall-Qriema.

Umpire kien Karl Chircop.

Mill-banda l-oħra, fil-kampjonat ta’ taħt l-14-il sena, Marsaskala Heat iddominaw il-konfront tagħhom kontra GREE Żurrieq Wolves Hotsticks 14-1.
Liam Carabott skorja ħames gowls, Jamie Gambin u Shezlynane Galea Calleja kienu awturi ta’ tliet gowls filwaqt li Asif Akram, Kayden Cassar u Thomas Mifsud ukoll niżżlu isimhom fost l-iskorers.

Leon Falzon skorja l-uniku gowl għaż-Żrieraq.

Umpire kienu Edward Hughes u Karl Chircop.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport