Bil-għaġġla biex nibnu d-djar għall-popolazzjoni f’pajjiżna li kibret f’dawn l-aħħar snin, konna bdejna nittraskuraw il-ħtieġa għal spazji miftuħa u ħodor madwarna.
Iżda x’jiddefinixxi l-ispazji ħodor? L-ispazji ħodor jistgħu jiġu mfissra bħala żoni li qabel ma kienux żviluppati u depilati u ġew mibdula fi speċi ta’ ġonna. Il-parks huma tip ta’ spazji ħodor li ħafna drabi jitqiesu bħala l-eżempju klassiku. Madankollu, mhumiex l-uniku tip; siġar fil-parkeġġi, pjazez u anke xi tipi ta’ bankini kollha jistgħu jitqiesu spazji ħodor.
F’ambjenti urbani, l-ispazji ħodor jgħinu biex inaqqsu s-sensazzjoni ta’ iffullar u klawstrofobija billi jipprovdu spazju miftuħ għan-nies biex jimxu minnu u jgawdu ─ post biex in-nies jitbiegħdu mill-istorbju u jkollhom ftit ħin għalihom infushom.
Dan l-aħħar, b’investiment ta’ €3 miljun, tlesta l-proġett ta’ Wied il-Qlejgħa, xogħol li kien jinkludi l-infurzar tal-ħitan tal-baċin kif ukoll il-bini mill-ġdid ta’ parti mit-triq prinċipali. Bla dubju, dan l-intervent kien meħtieġ wara l-ħsara li saret kawża ta’ maltempata kbira li seħħet fil-passat, tant li spiċċaw ċedew partijiet mill-ħajt tal-ilqugħ ta’ wieħed mil-baċini prinċipali ta’ dan il-wied, magħruf aħjar bħala Chadwick Lakes.
B’dawn ix-xogħlijiet mill-ministeru responsabbli, reġgħet ġiet stabbilita l-ħażna tal-ilma fil-baċin, l-ikbar tax-xorta tiegħu fil-gżejjer tagħna, b’kapaċità ta’ ħażna ta’ madwar 35,000,000 litru ta’ ilma. B’sodisfazzjon ninnutaw li dan il-proġett jikkumplimenta x-xogħol li twettaq fuq il-parti ta’ fuq ta’ dan il-wied li riċentament ġie restawrat biex joffri passaġġ għall-mixja ta’ madwar 2 kilometri tul.
L-ispazji ħodor huma parti importanti fit-tħris ta’ saħħrt in-nies. Kif ġieli għidna, dawn jipprovdu ħafna benefiċċji, inkluż arja aktar nadifa, trankwilita, u aktar minn hekk, kwalità tal-ħajja aħjar. Huma jtejbu wkoll is-sostenibbiltà tal-pajjiż, billi jnaqqsu l-impatt tal-bini u s-sistemi tat-trasport fuq l-ambjent.
Illum il-ġurnata l-ispazji ħodor huma ta’ ħtieġa. Huma assi li jgħinuna nibnu komunità. Il-parks u l-ġonna jridu jsiru l-postijiet fejn in-nies jistgħu jiltaqgħu, jissoċjalizzaw u jaqsmu l-istejjer. Postijiet fejn it-tfal jiltaqgħu u jilagħbu u jitgħallmu fl-istess ħin. Postijiet li jattiraw il-viżitaturi, itejbu l-kwalità tal-arja, u jnaqqsu t-tniġġis tal-ħsejjes.
F’pajjiż fejn l-iżvilupp tal-kostruzzjoni huwa importanti, huwa bżonn ukoll li naħdmu bis-sħiħ flimkien lejn l-implimentazzjoni ta’ proġetti ambjenti b’mod aktar maħsub u sostenibbli fi ħdan il-komunitajiet tagħna. Proġetti li jinvolvu infrastruttura innovattiva ħadra, b’soluzzjonijiet ibbażati fuq it-tħaris tal-ambjent naturali, b’enfasi fuq l-afforestazzjoni u tisbiħ ta’ żoni urbani.