Friday, December 13, 2024

“Hu żgur li ma nistgħux navdaw lil min fired partit aħseb u ara x’jagħmel lill-pajjiż” – il-PM

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Malta flimkien hija l-għajta li biha l-Partit Laburista qed imur quddiem il-poplu. Malta flimkien għax hekk jixirqilhom il-familji u l-ħaddiema tagħna.

Hekk qal il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela waqt intervista fuq One Radio fejn tkellem fuq diversi suġġetti fosthom dwar uħud mill-proposti tagħhom.

Qal li rridu ngħixu din il-kampanja elettorali fi spirtu ta’ rispett reċiproku. Filwaqt li osserva l-fatt li hemm lok għad-diskussjoni u x’pajjiż iridu naraw għal uliedna, sostna li dan m’għandux ikun imtappan mill-firda.

Tkellem dwar il-fatt li l-aqwa prova li bħala Gvern taw ta’ meta ħadmu b’ponn wieħed kien matul il-perjodu ta’ pandemija u fost l-oħrajn għal darb’oħra aċċenna għall-fatt li pajjiżna għandu l-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja.

Dan apparti mill-fatt li pajjiżna qed jara investiment dirett barrani li ġej b’saħħa kbira, is-settur tal-gaming b’saħħtu, it-turiżmu li reġa’ beda jirpilja, fost aħbarijiet oħrajn pożittivi għal pajjiżna.

Dan kollu huma msejjes fuq il-fatt li l-pajjiż mexxa pjan ta’ vaċċinazzjoni b’saħħtu u permezz tal-għaqal li bih mexa dan il-gvern li qatt ma waqaf milli jagħti għajnuna lin-nies, lin-negozji u lill-familji.

“Fiduċjuż li se jkollna futur sabiħ. L-għażla hija bejn il-passat u l-futur. Aħna l-futur. Imbagħad naraw jekk nibnux fuq il-ħafna tajjeb li għamilna u li bħala Gvern se nagħmlu aktar, jew nissugrawx li nafdaw it-tmexxija f’min żgur iħott dak li sar fl-aħħar snin. L-Oppożizzjoni dejjem kienu xettiċi meta għażilna li nappoġġjaw lin-nies u qalulna li qed inberbqu l-flus. Dak iżda l-passat… aħna l-futur u n-nies għandhom l-għażla f’idejhom,” qal Dr Abela.

Żied jgħid: “Biex infasslu l-futur kif nixtiequ aħna irridu nivvutaw għalih. Implimentajna miżuri kbar u fadal ħafna iżjed x’nimplimentaw u għal dak għandna bżonn il-fiduċja tan-nies. Il-futur mhux biss nivvutaw għalih, imma l-appell tiegħi hu biex f’dawn it-33 jum in-nies jikkonvinċu kemm jifilħu nies jivvutaw għall-futur b’saħħtu għal uliedna u pajjiżna. Inwasslu messaġġ importanti għall-futur ta’ pajjiżna.”

Qal li mal-Kap tal-Oppożiizzjoni ma tafx fejn qiegħed miegħu u għalhekk l-importanza tal-vot. 

“Nemmen li jixirqilna l-fiduċja tan-nies. Li hu żgur li ma nistgħux navdaw lil min fired partit aħseb u ara x’jagħmel lill-pajjiż. Inkunu qed nirriskjaw il-ġejjieni tal-pajjiż. Għal min għadu mhux konvint, immorru b’umiltà u nressqu dan il-pjan ambizzjuż li jtina l-kredibiltà u nibqgħu naħdmu biex nikkovinċu aktar b’dak li rridu nwettqu.”

“Il-politika tagħna se tkun ibbażata fuq it-titjib fil-kwalità tal-ħajja u din hija determinata wkoll minn ambjent aħjar fil-madwar tagħna. Kien għalhekk li qed nagħmlu din il-proposta ambizzjuża ta’ €100 miljun fis-sena fuq medda ta’ seba’ snin li se jkunu investiti biex jinħolqu spazji ħodor biex il-familji Maltin u l-Għawdxin ikunu jistgħu jgawdu,” qal Dr Abela.

Aqra iktar: “Se nidħlu għall-aktar proġett ambjentali ambizzjuż fl-istorja ta’ pajjiżna” – il-PM

Ekonomija

Sport