Thursday, December 26, 2024

Hugo Lloris iħabbar li rtira mix-xena internazzjonali

Aqra wkoll

Il-captain ta’ Franza, Hugo Lloris, ħabbar li rtira mill-football internazzjonali fl-età ta’ 36 sena, tliet ġimgħat wara li pajjiżu tilef il-finali tat-Tazza tad-Dinja 4-2 bil-penalties kontra l-Arġentina wara draw ta’ 3-3, fil-Qatar.

“Iddeċidejt li nirtira mill-karriera internazzjonali tiegħi, bis-sentiment li tajt kollox,” qal il-goalkeeper ta’ Tottenham Hotspur. 

“Naħseb li huwa importanti li nħabbar dan issa, xahrejn u nofs qabel il-bidu tar-round ta’ kwalifikazzjoni għall-Euro 2024.” Lloris, li għamel id-debutt internazzjonali tiegħu fl-etá ta’ 21 sena f’partita ta’ ħbiberija kontra l-Urugwaj f’Novembru 2008, fit-Tazza tad-Dinja li għaddiet sar l-aktar player li lagħab għal Franza b’total ta’ 145 partita fejn qabeż ir-rekord tal-eks difensur, Lilian Thuram (142). 

“Verament ilni naħseb dwar l-irtirar minn tmiem it-Tazza tad-Dinja, iżda kien hemm xi ħaġa fil-fond ġewwa fija għal forsi sitt xhur issa u li kibret matul il-kompetizzjoni, li wasslitni biex nieħu din id-deċiżjoni,” qal Lloris.

L-ex-goalkeeper ta’ Nice u Lyon, Lloris kien captain ta’ Franza fir-rebħa fit-Tazza tad-Dinja 2018, fir-Russja. B’kollox lagħab f’seba’ tournaments ewlenin, inkluż il-Euro 2016, meta Franza tilfet fil-finali kontra l-Portugall. 

“Jasal żmien meta trid twarrab. Dejjem għedt li t-team nazzjonali Franċiż ma jappartjeni lill-ebda persuna waħda,” qal Lloris. “Hemm il-goalkeeper  Mike Maignan li lest li jieħu post … u għandi bżonn ftit aktar ħin għalija, għall-familja tiegħi u għal uliedi.

“Kien ta’ unur kbir għalija li nirrappreżenta lil Franza għal 14-il sena u nofs,” temm jgħid Lloris.

Ekonomija

Sport