Saturday, February 1, 2025

Ibqa’ tħarreġ qatigħ biex għada taħsad is-suċċessi mixtieqa – Steffi De Martino (Hibernians BC)

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-basketball?

Minn dejjem kont bniedma sportiva, u kont nilgħab kull tip ta’ sports bħal futbol, tenis u l-atletika. Imma li spikka l-aktar għalija kien il-basketball, u r-raġuni li baqgħet tinkoraġġini kienet ommi, li hi wkoll kienet iddedikata għal dan l-isports. Għalhekk kont b’mod naturali miġbuda lejn dan l-isport, u kont nissieħeb f’diveri sessjonijiet mat-tim ta’ ommi, li fiż-żmien kien Naxxar Danone. Jiena kont dik it-tifla ż-żgħira fid-dressing room qabel u wara kull logħba, nosserva l-atmosfera. Din l-espożizzjoni minn kmieni nibtet fija l-imħabba għall-basketball, u minn dakinhar baqgħet dejjem tikber. 

Iddeskrivi l-esperjenza passata tiegħek ma’ Luxol BC.

Bdejt il-vjaġġ tiegħi fil-basketball ma’ Footwork, imma ftit wara mort mal-Luxol, għall-bidu minħabba konvenjenza. Iżda ma kienx għadda wisq żmien li l-Luxol sar qisu t-tieni familja tiegħi. Jekk ikolli nagħti sommarju qasir dwar l-esperjenza tiegħi mal-Luxol, tkun dik il-kelma – familja. Lgħabt ma’ Luxol mill-età ta’ bejn l-għaxar snin u t-tmintax-il sena, u wkoll bejn l-20 u t-22 sena, li issa ilu mhux ħażin. Matul iż-żmien irbaħna diversi titli flimkien, kemm fil-livell junior u anke senior. L-iktar importanti hu iżda li bnejt ħbiberiji ma’ membri tat-tim, kowċis, u wkoll mal-amministrazzjoni. Jiena wisq grata tas-sapport u l-gwida li sibt mingħand Fus u John Tabone minn età żgħira, għax kienu huma li ffurmaw il-karriera tiegħi. Għal dawn ir-raġunijiet kollha, Luxol jibqa’ għal dejjem f’qalbi.

 U dik preżenti ma’ Hibernians BC.

Ilni nilgħab mal-Hibernians minn Settembru li għadda, allura l-vjaġġ tiegħi magħhom għadu jibda. Sa issa għandi biss kliem ta’ tifħir għall-professjonalità u s-sapport li dan il-klabb wera. In-nisa tat-tim laqgħuni ħafna, u kienet esperjenza mill-isbaħ li ngħaqadt ma’ dan it-tim. Jiena nħobb l-isfidi u nidħol għalihom b’qalbi kollha – u din kienet ir-raġuni tiegħi għall-bidla. Sa issa rnexxieli nikseb unur wieħed tal-MBA Shield, u mistennija wkoll titli fin-Knockout u l-League. Kellna bidu turbolenti ħafna fil-kampjonat, imma nemmen li hemm affarijiet sbieħ jistennewna.

 X’inhuma t-tragwardi taghkom ghal dan l-istaġun?

Bħalma jgħid kull plejer, l-għan aħħari hu li nirbħu l-kampjonat. Imma filwaqt li t-titlu tal-lig hu dejjem f’moħħi, l-ambizzjonijiet tiegħi jmorru lil hinn minn dan l-istaġun. Irrid li nkompli nikber mat-tim matul iż-żmien li ġej u rrid ngħin biex nistabbilixxi lill-Hibs f’pożizzjoni dominanti fil-basketball tan-nisa, jekk it-tim iħallini hemm.

X’tikkummenta fuq il-kowċ, Charles Bonnici?

Il-Kowċ Chalie Bonnici m’għandu bżonn tal-ebda introduzzjoni fil-basketball tan-nisa f’pajjiżna, għax ismu huwa sinonimu mar-rebħ tal-unuri. Huwa jaħdem qatigħ, jiġġieled għal dak li jrid, u hu xi ħadd li ma jaċċettax talba faċilment, li tagħmilna vera simili.

Kowċ Chalie u jien konna fl-istess tim darbtejn, mal-Luxol u ma’ Starlites, u fiż-żewġ drabi wasalna għal titlu fil-lig. Ħerqana biex nibqa’ naħdem miegħu mill-ġdid, u nkomplu nżidu s-suċċessi.

Iddeskrivi l-esperjenza tiegħek mat-tim nazzjonali Malti sa issa.

It-tim nazzjonali huwa l-quċċata ta’ kollox – unur li tirrappreżenta lil pajjiżek fl-isport li int għandek passjoni kbira għalih. L-ewwel kontribut tiegħi fit-tim nazzjonali bħala ‘senior’ kien fl-2009 fil-Mediterranean Games f’Pescara, meta kelli biss 15-il sena, taħt il-gwida ta’ Santino Coppa. Minn hemm, lgħabt ’il fuq minn 50 logħba mat-tim nazzjonali, u kollha jġorru magħhom valur uniku.

Kull sena u kull kowċ kellhom rwol sinifikanti fl-iżvilupp tiegħi bħala plejer. Nemmen bis-sħiħ li kull kowċ ser iġib xi ħaġa differenti f’dan il-qasam, u iktar ma tkun esposta, iktar hemm ċans li inti tilħaq il-potenzjal kollu tiegħek.

F’dawn l-aħħar snin, kont ukoll parti mit-tim 3×3 team għall-kwalifiċi tal-EuroCup, li kienet esperjenza mill-isbaħ minnha nnifisha. Nemmen ukoll li 3×3 basketball huwa l-pass biex nimxu ’l quddiem fil-volleyball.

 X’suċċessi maġġuri ksibt fil-karriera tiegħek sa issa kemm bħala tim kif ukoll fuq bażi personali?

Sakemm ilni mat-tim nazzjonali ksibt tliet midalji tad-deheb, waħda fidda, u ħamsa tal-bronż – jiġifieri minn 14-il tournament bħala kompetizzjoni mas-tim tal-kbar, tlajt fuq il-podju disa’ darbiet. Dan huwa l-ogħla unur u suċċess tiegħi. Suċċess personali żgur li jinkludi t-titlu li ngħatajt ta’ All-Star 5 għal diversi drabi, li huwa sentiment tassew sabiħ li tħossok rikonoxxut tal-impenn u l-isforz li tkun qed tiddedika.

 Kif tqis il-livell tal basketball lokali fil-preżent u kif rajtu jinbidel tul is-snin?

Rajt kambjament fil-logħba matul dawn l-aħħar 20 sena. Illum il-basketball sar aktar mgħaġġel, u l-atletiżmu u l-fiżikalità tal-plejers żdiedu, li tagħmilha diffiċli biex tikkompara l-livell ta’ issa ma’ dak li kien qabel. Iżda f’dawn l-aħħar ħames snin, innutajt li l-livell għola fejn jidħol il-basketball tan-nisa, speċjalment fost il-kategoriji taż-żgħar, li hemm ħafna plejers li jippromettu. Il-futur tal-basketball tan-nisa f’Malta jidher eċċellenti.

U dak tar-riżorsi (Padiljun) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob tagħkom?

Ma nistgħux ingergru dwar il-padiljun tagħna, għax vera nemmen li hu riżorsa mill-aqwa. Lgħabt ħafna logħob barra minn Malta għal FIBA tournaments, u ġenwinament naħseb li tagħna huwa l-aħjar wieħed. Grazzi speċjali lil Joe u Pawlu tal-impenn kontinwu tagħhom li jgħollu u jissapportjaw il-logħba.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-basketball? Għad narawk kowċ ’il quddiem?

Il-motto tiegħi hu li nimxi ġurnata b’ġurnata. Inħobb nilgħab sakemm il-ġisem tiegħi jħallini, imma ta’ 31 sena, bħalissa qed niffoka li nħalli lil ġismi b’saħħtu kemm jista’ jkun. Rigward il-kowċing mhux li tant ħsibt fuqu għalissa għax irrid nuża l-potenzjal kollu possibbli bħala plejer qabel ma nibda nħares lejn dak l-aspett.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-basketball.

Ibqa’ tħarreġ aktar mill-membri tat-tim tiegħek, għax jekk titħarreġ daqshom, tkun biss kapaċi u tajba daqshom. Il-progress jieħu l-ħin, imma hija l-konsistenza li tagħmel id-differenza. Jiena nemmen li kull atleta jirrealizza l-potenzjal kollu tiegħu meta xi drabi jkun tard wisq. Għalhekk, ibqa’ tħarreġ qatigħ, biex għada taħsad is-suċċessi mixtieqa!

Artiklu preċedenti

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport