IL-BOV U L-MALTA FA JIDDISKUTU MATERJI LEGALI U KONTRA R-REATI FINANZJARJI FIL-FOOTBALL

Aqra wkoll

Il-Bank of Valletta u l-Malta Football Association (Malta FA) laqqgħu flimkien rappreżentanti tal-klabbs membri tal-Malta FA għal seminar ta’ ġurnata, bil-għan li jgħin lill-klabbs tal-football jifhmu aħjar l-obbligi li qed jevolvu fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus (AML), l-aspettattivi marbuta mal-governanza, kif ukoll ir-responsabbiltajiet legali u regolatorji usa’ li jolqtu lill-klabbs tal-football. Is-seminar ta lill-parteċipanti għarfien dwar ir-rekwiżiti ta’ konformità attwali u emerġenti, filwaqt li enfasizza l-importanza ta’ governanza soda u tal-prevenzjoni tal-kriminalità finanzjarja fis-settur tal-football. Din l-inizjattiva tagħmel parti minn sforz usa’ biex tgħin lill-klabbs isaħħu l-qafas ta’ kontroll tagħhom u jiżguraw li jkunu mħejjija sew biex jissodisfaw l-aspettattivi regolatorji u ta’ konformità mal-AML fil-futur.

Is-seminar kien wieħed mill-ewwel inizjattivi li jkopri l-Ftehim fil-Prinċipju li kien iffirmat dan l-aħħar bejn iż-żewġ entitajiet. Dan jirrifletti l-impenn konġunt tal-Bank u l-Assoċjazzjoni li jgħinu lill-klabbs, u li jkompli jibdni mas-sħubija tal-Bank li ilu jgħin lill-football lokali għal dawn l-aħħar għoxrin sena, hekk kif l-ambjent regolatorju madwar l-isport qed ikompli jevolvi.

Is-seminar kien jikkonsisti f’sessjonijiet immexxija minn esperti tal-Bank fil-qasam ta’ kontra r-reati finanzjarji u mill-Integrity Officer tal-Malta FA. Huma ggwidaw lill-parteċipanti fuq materji relatai mar-riskji li ġġib magħha l-kriminalità finanzjarja, is-sanzjonijiet, il-frodi u l-iscams, u l-obbligi dwar il-governanza. Ġew diskussi wkoll obbligi u dokumentazzjoni li se tkun meħtieġa fis-snin li ġejjin, hekk kif jidħlu fis-seħħ obbligi Ewropej dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità finanzjarja li mistenni jitfgħu iżjed obligi fuq il-klabbs tal-football madwar l-Ewropa.

Fil-ftuħ tal-avveniment, il-Group Chief Anti-Financial Crime Officer u MLRO tal-BOV, Ryan Caruana enfasizza l-importanza tal-edukazzjoni, l-għarfien u l-kollaborazzjoni kontinwa bejn l-istituzzjonijiet finanzjarji u l-komunità sportiva. “Dan is-seminar ikompli jibni fuq sħubija li ilha għaddejja għal bosta snin u jipprovdi lill-klabbs gwida prattika biex jifhmu aħjar l-obbligi tagħhom u jsaħħu r-reżiljenza tagħhom, sabiex ikunu jistgħu jimxu b’kunfidenza f’xenarju regolatorju li qed jinbidel. Billi naqsmu l-għarfien espert tagħna, irridu ngħinu lill-klabbs mhux biss jissodisfaw l-aspettattivi regolatorji, iżda wkoll jipproteġu l-organizzazzjonijiet u l-membri tagħhom, filwaqt li jagħtu sehemhom fit-tisħiħ tal-komunità usa’ tal-football.”

Is-Sur Caruana nnota li governanza b’saħħitha fl-AML u mmaniġjar tar-riskju iktar effettiv fl-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, qed isiru dejjem iktar importanti għall-organizzazzjonijiet kollha li jinnegozjaw trasferimenti ta’ fondi, jibnu relazzjonijiet u jaqdu lill-komunità. Bħala l-akbar istituzzjoni finanzjarja, il-BOV jibqa’ kommess li jappoġġja l-edukazzjoni tal-klabbs, il-preparazzjoni regolatorja u r-reżiljenza finanzjarja.

Min-naħa tiegħu, Dr Herman Mula, Uffiċjal Legali, tal-Integrità u Prosekutur tal-Malta FA, spjega li proċeduri sodi, dokumentazzjoni xierqa, trasparenza u governanza tajba qed isiru dejjem aktar importanti għall-klabbs tal-football. “Il-ġestjoni ta’ klabb tal-football ma tistax tibqa’ titqies biss bħala kwistjoni sportiva. Id-deċiżjonijiet meħuda minn dawk li jmexxu organizzazzjoni sportiva jista’ jkollhom konsegwenzi serji, u għalhekk il-proċeduri, id-dokumentazzjoni, it-trasparenza u l-governanza tajba qed isiru dejjem aktar importanti.”

Dr Mula spjega li sessjonijiet bħal dawn mhux biss għandhom l-għan li jwasslu biex wieħed jifhem aħjar ir-regoli, ir-regolamenti u r-riskji, iżda wkoll li jibnu kultura fejn id-deċiżjonijiet tajba jittieħdu b’għarfien, b’responsabbiltà u skont il-proċeduri korretti. “Se nispjegaw ukoll ir-realtà l-ġdida tal-Kumpaniji Privati b’Responsabbiltà Limitata fil-qasam tal-isport, suġġett li jkompli jenfasizza kif l-istruttura u l-governanza tal-isport qed jevolvu, u kif dawk responsabbli jridu jkunu ppreparati għal dawn l-iżviluppi.” Huwa kompla billi rringrazzja lill-Bank għall-appoġġ u l-kollaborazzjoni tiegħu, kif ukoll lill-individwi fi ħdan il-Malta FA li għamlu dan is-seminar possibbli.

L-inizjattiva tirrifletti l-impenn konġunt tal-BOV u l-Malta FA li jippromwovu governanza aktar b’saħħitha, għarfien regolatorju akbar u l-integrità fil-football Malti. Hija wkoll konformi mal-impenn usa’ tal-BOV favur l-edukazzjoni, l-operat bankarju responsabbli u l-involviment fil-komunità, biex l-organizzazzjonijiet fi ħdan il-komunità jkunu mħejjija aħjar biex iwieġbu għar-riskji u r-responsabbiltajiet emerġenti. Aktar inizjattivi huma mistennija li jsegwu bħala parti mill-kollaborazzjoni kontinwa ta’ tliet snin bejn il-Bank u l-Malta FA.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport