Aktar investiment biex inkomplu nimmodernizzaw is-servizz tas-saħħa f’pajjiżna

Il-Prim Ministru Robert Abela jkompli d-djalogu konsultattiv qabel il-Budget 2027, din id-darba mar-rappreżentanti tal-Unjin Maltija tal-Qwiebel u l-Infermiera, l-MUMN

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela kompla bil-laqgħat ta’ konsultazzjoni ta’ qabel il-Budget 2027 din id-darba b’laqgħa mal-Unjin Maltija tal-Qwiebel u l-Infermiera, l-MUMN li saret fiċ-Ċentru Reġjonali tas-Saħħa Ċensu Moran.

Matul il-laqgħa, Dr Abela saħaq li l-investiment fil-qasam tas-saħħa jrid jibqa’ jimxi id f’id mal-investiment fil-ħaddiema. F’dan il-kuntest, huwa għamel referenza għaż-żewġ ftehimiet kollettivi li ġew iffirmati riċentement mal-MUMN u li qed itejbu l-kundizzjonijiet u l-opportunitajiet professjonali ta’ madwar 180 ħaddiem, dan permezz ta’ allowances aħjar, taħriġ aktar strutturat u opportunitajiet ġodda ta’ progress fil-karriera.

Il-Prim Ministru Robert Abela sostna li matul l-ewwel mitt jum ta’ dan il-Gvern, il-qasam tas-saħħa kien wieħed mill-oqsma li fihom tħabbru u bdew jitwettqu diversi miżuri u proġetti. Qal li dawn l-inizjattivi juru d-direzzjoni li qed nieħdu bħala Gvern fejn qed jiġi prijoritizzat bi sħiħ aktar investiment fl-infrastruttura, fit-teknoloġija, fit-trattamenti u, fuq kollox, fil-professjonisti tas-saħħa.

Huwa semma kif mill-bidu ta’ dan ix-xahar, speċjalisti li jaħdmu fil-privat, inklużi tobba tal-familja, għandhom aċċess għal firxa usa’ ta’ testijiet tad-demm u testijiet bl-ultrasound fl-isptarijiet u istituzzjonijiet tas-saħħa tal-Istat għall-pazjenti tagħhom. Ftit tal-jiem ilu ġie mħabbar ukoll li twessgħu wkoll il-mediċini li jistgħu jippreskrivu direttament għal ċerti kundizzjonijiet. Din l-inizjattiva mistennija tnaqqas il-bżonn li pazjenti jiġu riferuti għand speċjalisti oħra biss biex jingħataw preskrizzjoni.

Dr Abela għamel ukoll referenza għaż-żieda fl-appoġġ lil tfal u żgħażagħ bid-dijabete tat-tip 1 li jużaw il-pompa tal-insulina, billi issa qed jiġu provduti settijiet addizzjonali tal-infużjoni, cartridges u dressings reżistenti għall-ilma.


Huwa għamel ukoll referenza għall-aċċess usa’ għall-IVF, fejn iċ-ċikli offruti bla ħlas żdiedu minn tlieta għal ħamsa u twessa’ l-użu tal-PGT-M għal aktar kundizzjonijiet ġenetiċi.

Saret referenza wkoll għall-investimenti infrastrutturali li qed javvanzaw. Qal li f’Mater Dei beda x-xogħol fuq l-estensjoni tad-Dipartiment tal-Emerġenza u unit ġdida għall-kura akuta tas-saħħa mentali, b’investiment ta’ €120 miljun. B’dan il-proġett l-Emerġenza f’Mater Dei mistennija żżid minn 35 għal 70 kamra tal-kura, filwaqt li żdiedu wkoll 48 sodda f’żewġ swali ġodda. F’Għawdex qed ikompli x-xogħol fuq helipad ġdid fl-Isptar Ġenerali.

Dr Abela għamel ukoll referenza għall-qasam tas-saħħa mentali, fejn semma ċ-Ċentru CLiC, Connected Living & Inclusion Centre fl-Isptar Monte Karmeli. Dan qed jagħti lill-pazjenti aċċess aktar sigur u taħt superviżjoni għat-teknoloġija diġitali biex jikkomunikaw mal-familja, jaċċessaw servizzi online, jiżviluppaw ħiliet diġitali u jitħejjew aħjar għall-integrazzjoni mill-ġdid fil-komunità. Dan jgħaqqad ukoll mal-ftuħ ta’ żewġ swali ġodda f’Monte Karmeli, filwaqt li swali oħra qed jiġu rinovati.

Il-Prim Ministru Robert Abela tenna d-determinazzjoni tal-Gvern li l-Budget 2027 ikompli jsaħħaħ is-servizzi tas-saħħa u l-professjonijiet. Permezz ta’ djalogu miftuħ, rispett reċiproku u ħidma konkreta ma’ dawk kollha involuti, il-Gvern kommess li jkompli jaħdem favur sistema tas-saħħa dejjem aktar effiċjenti, moderna u dejjem aktar qrib il-pazjent.

Matul din il-laqgħa konsultattiva kien hemm ukoll preżenti d-Deputat Prim Ministru Ian Borg, il-Ministri Chris Fearne u Keith Azzopardi Tanti, is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista, kif ukoll il-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Mark Mallia.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport