Il-Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur, Keith Azzopardi Tanti, flimkien maċ-Chairperson tal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA), Carmen Ciantar u l-Kap Eżekuttiv tas-Servizzi Ewropej f’Malta (SEM), Rodrick Zerafa, ħabbru t-tiġdid tal-iskema ‘Trust You’, permezz ta’ qafas ġdid maħsub biex jagħti aktar valur lill-marka, isaħħaħ il-fiduċja tal-konsumaturi u jirrikonoxxi lil dawk in-negozji li jagħmlu impenn konkret favur prattiki tajbin u responsabbli.
Il-qafas il-ġdid ta’ din l-iskema jiġbor flimkien tliet oqsma importanti fil-ħidma tal-MCCAA: il-ħarsien tal-konsumatur, is-sigurtà u l-konformità tal-prodotti, kif ukoll il-metroloġija legali, jiġifieri l-eżattezza tal-kejl li jintuża fil-kummerċ.
L-iskema mġedda tmur lil hinn minn sempliċi marka li negozju jesponi mal-bieb tiegħu. ‘Trust You’ qed tiġi żviluppata bħala sistema progressiva bi tliet livelli – Bronż – Impenn, Fidda – Garanzija, u Deheb – Ċertifikazzjoni – li permezz tagħhom in-negozji jkunu jistgħu juru livelli dejjem ogħla ta’ impenn u konformità. L-ewwel fażi tibda bil-livell Bronż, bin-negozji jkunu jistgħu javvanzaw minn livell għall-ieħor skont il-progress li jagħmlu.
Il-Ministru Keith Azzopardi Tanti saħaq fuq kif skema bħal din turi li l-wegħdiet tal-Gvern qed iwassluhom fil-prattika, u qal ukoll li b’din l-inizjattiva qed jagħtu aktar serħan il-moħħ lill-konsumatur, u fl-istess waqt qed jirrikonoxxu lil dawk in-negozji li jżommu l-konformità, joperaw b’mod responsabbli, u jpoġġu l-klijent fiċ-ċentru tal-ħidma tagħhom.
Iċ-Chairperson tal-MCCAA, Carmen Ciantar qalet li “bħala Awtorità, qed nibagħtu messaġġ ċar li r-rwol tagħna mhuwiex biss wieħed ta’ infurzar. L-infurzar jibqa’ parti essenzjali mir-responsabbiltajiet tagħna, iżda regolatur modern għandu wkoll jeduka, jiggwida, iħeġġeġ il-konformità u jirrikonoxxi prattika tajba.”
Il-Kap Eżekuttiv tas-SEM, Rodrick Zerafa qal, “It-tnedija mill-ġdid tal-iskema ‘Trust You’ hija opportunità biex inkomplu nħeġġu aktar intrapriżi Maltin u Għawdxin jgħollu l-istandards tagħhom u jsaħħu l-fiduċja tal-konsumaturi.” Huwa għamel referenza wkoll għall-iskema Standards and Awards for SMEs, u spjega li intrapriżi eliġibbli jistgħu jibbenefikaw minn fondi Ewropej biex ikopru parti mill-ispejjeż ta’ konsulenza u servizzi ta’ pariri professjonali meħtieġa biex jiksbu standard jew award rikonoxxut. “SEM toffri assistenza bla ħlas lill-intrapriżi biex jifhmu l-opportunitajiet disponibbli, jivverifikaw l-eliġibbiltà tagħhom u jiġu ggwidati matul il-proċess tal-applikazzjoni u l-implimentazzjoni,” temm jgħid Zerafa.
L-MCCAA se tkun qed tintroduċi taħriġ għall-ħaddiema li jkollhom kuntatt dirett mal-konsumaturi, flimkien ma’ monitoraġġ biex l-iskema tibqa’ marbuta ma’ impenn konkret u kontinwu. It-trasparenza se tkun element ieħor importanti tal-iskema mġedda. In-negozji parteċipanti se jkunu elenkati f’reġistru pubbliku, filwaqt li l-istiker Trust You se tinkludi QR code marbut direttament ma’ dan ir-reġistru. B’hekk, il-konsumaturi jkunu jistgħu jivverifikaw l-istatus tan-negozju parteċipanti b’mod faċli u dirett.
In-negozji parteċipanti se jingħataw il-marka tal-livell miksub u ċertifikat, kif ukoll se jidhru f’reġistru pubbliku u se jkollhom il-possibbiltà li jużaw il-marka Trust You fil-komunikazzjoni u r-reklamar tagħhom. Għan-negozji li diġà huma membri ta’ Trust You, se jkun hemm perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ 12-il xahar, sabiex jingħataw iż-żmien meħtieġ biex jallinjaw ruħhom mar-rekwiżiti tal-iskema mġedda u jlestu t-taħriġ meħtieġ.
It-tiġdid ta’ ‘Trust You’ huwa wkoll parti minn sensiela ta’ miżuri elettorali li qed jitwettqu mill-Gvern matul l-ewwel 100 jum, bil-għan li jissaħħaħ il-ħarsien tal-konsumatur filwaqt li jingħata aktar appoġġ lin-negozji biex joperaw b’mod konformi u responsabbli. Fil-fatt, ‘Trust You’ qed issegwi t-tnedija ta’ ImportaMT il-ġimgħa li għaddiet – servizz ġdid li permezz tiegħu l-importaturi jistgħu jivverifikaw il-konformità tal-prodotti tagħhom qabel ma dawn jiġu importati f’Malta. Żewġ inizjattivi differenti, iżda b’għan komuni: aktar ċertezza għan-negozji u aktar serħan il-moħħ għall-konsumaturi.
