Wednesday, October 9, 2024

Iċ-ċelebrazzjoni ta’ mitt sena ta’ Disney

Mario Azzopardi
Mario Azzopardi
Kritiku tal-Films

Aqra wkoll

Il-film epiku ġdid ta’ Ridley Scott, “Napoleon” (li parti minnu nħadmet hawn Malta) mar aħjar milli kien mistenni meta fi tmiem il-ġimgħa kellu dħul ta $21 miljun fil-box office Amerikana u kważi $79 miljun dollaru mill-pajjiżi l-oħra fejn ħareġ għall-wiri. “Napoleon” hu rapurtat li sewa $200 miljun biex inħadem u fih jidher Joaquin Phoenix fil-parti ta’ Napuljun.

Mhux l-istess jista’ jingħad għall-film animat ġdid tad-Disney “Wish” li kien mistenni ikun il-film li jitla’ fil-quċċata tal-box office Amerikana. Bejn il-Ġimgħa u l-Ħadd, kellu dħul pjuttost miżeru ta’ $19.5 miljun, meta kien proġettat li d-dħul f’dawn it-tliet ijiem kien ser ikun ta’ $35 miljun.

B’hekk spiċċa fit-tielet post. Jirrenja fuq “Napoleon” u “Wish” baqa’ il-prequel ta’ “The Hunger Games”, jiġifieri “The Ballad of Songbirds and Snakes”. Din hi t-tieni ġimgħa li żamm post fil-quċċata tal-box office Amerikana.

Fl-aħħar żewġ postijiet tal-quċċata tal-box office ta’ tmiem il-ġimgħa insibu is-sequel animat “Trolls Band Together” u fil-ħames post il-film tal-orrur “Thanksgiving”.

Wish

F’Hollywood, hemm żewġ kanzunetti li huma ’l fuq minn kull kanzunetta oħra. Waħda hi ‘Somewhere Over the Rainbow” li tkanta Judy Garland f’“The Wizard of Oz” (1939). L-oħra hi “When You Wish Upon a Star” li titkanta mill-karattru ta’ Jimmy Cricket (il-vuċi hi ta’ Cliff Edwards) fil-film animat klassiku “Pinocchio” (1940).

Din saret l-innu tal-kumpanija Disney u mis-snin tmenin ’l hawn, silta minnha tinstema’ malli jidher il-logo tal-istudios fil-bidu ta’ kull film. Ngħiduha kif inhi, il-kliem li fiha din il-kanzunetta hu stqarrija ta’ dak li din il-kumpanija temmen fih u bil-films tagħha ferħet tfal u kbar għal dawn l-aħħar mitt sena.

Għaliex qed nikteb dan kollu? Fil-fehma tiegħi, id-Disney ħadmet il-film ġdid animat “Wsh” fil-mitt aniversarju ta’ din il-kumpanija għax minkejja l-enormità li saret fl-industrija, hi baqgħet iffukata fuqha innifisha u ħolqot film li jirrappreżenta dak kollu li għamlet f’dawn l-aħħar 85 sena ta’ films animati.

“Wish” hu t-62 feature film animat tad-Disney u jurina l-legat li ħalliet din il-kumpanija. In-narrattiva teħodna fuq il-gżira tropikali ta’ Rosas, fejn ir-residenti jgħixu f’serenità kbira fejn kollha għandhom xewqa. Dawn ix-xewqat jgħadduhom lir-re tagħhom Magnifico (vuċi ta’ Chris Pine) li jiddeċiedi hu jekk jilqagħhomx jew le.

Il-film jibda fuq l-istess stil ta’ films animati klassiċi tal-passat, bħal “Snow White and the Seven Dwarfs” (1937), “Pinocchio” u “Sleeping Beauty” (1959). Id-diretturi Chris Buck u Fawn Veerasunthorn ħalltu l-animazzjoni bl-użu ta’ ċelloli impinġija bil-kuluri tal-ilma (kif kien isir fil-bidunett) mat-teknoloġija tallum biċ-CGI.

L-eroj tal-film hi t-tfaja ta’ 17-il sena Asha (vuċi mill-isbaħ ta’ Ariana DeBose). Asha tkun intelliġenti u tmur għall-intervista biex issir l-appredista ġdida tar-re, determinata li timpressjona lil Magnifico.

Tkun Asha li tpoġġilu mistoqsija importanti: kif taħdem din il-biċċa li x-xewqa ta’ kull bniedem hi tiegħu sakemm hu jiddeċiedi? Hawn fejn Magnifico li kien juri li hu twajjeb u uman sakemm xi ħadd jisfida l-awtorità tiegħu. Magnifico isir qisu Maleficent, forsi l-aqwa villain fil-films animati kollha, jiġifieri dik li rajna f’“Sleeping Beauty”.

Ispirata minn dak li kien jgħidilha missierha, Asha tagħmel xewqa tant qawwija li s-sema tinxtgħel u stilla sabiħa akkumpanja minn emoji tiddi. L-istilla li sempliċiment jisimha Star, għandha qawwa maġika fejn l-annimali jibdew jitkellmu.

Asha issa kellha l-bakketta maġika li tista’ teħodha kontra Magnifico biex tneħħilu dik l-qawwa li kellu li jagħmel li jrid bix-xewqat tan-nies. Ariana DeBose tati enerġija kbira lill-film u għandha ħamsa mid-disa’ kanzunetti li hemm fuq is-soundtrack. Tispikka ‘This Wish’ li nistenna li ser tkun waħda mill-kanzunetti nnominati għall-Oscar.

Anke Chris Pine hu tajjeb u jidħol sew fil-parti ta’ wieħed li jagħti l-impressjoni li hu twajjeb biex jaħbi kemm hu dittatur. “Wish” hu kklassifikat U. Hu adattat għal kulħadd imma fih xi ftit mumenti li huma goffi.

Sport