Iċ-champions Floriana jirbħu logħba delikata kontra GREE Zurrieq Wolves Hotsticks.
Iċ-champions tal-hockey lokali Floriana Young Stars kisbu rebħa tajba ta’ 3-2 kontra GREE Zurrieq Wolves Hotsticks f’logħba ferm interesanti li ntlagħbet fil-Kumpless tal-Hockey f’Kordin.
Iż-Żrieraq kisbu vantaġġ doppju sa tmiem it-tieni quarter iżda mal-bidu tat-tielet wieħed huma ġew sorpriżi mill-Greens li fiż-żewġ quarters ta’ wara qalbu l-iskor favurihom sabiex rebħu din il-partita.
Justin Farrugia skorja żewġ gowls għal Floriana b’Ali Rizwan li jżid ieħor għat-tim tiegħu.
Gary Bonnici u Steve Portelli kienu l-awturi tal-gowls għal Żurrieq.
Umpires kienu John Williams u Glen Bonello.
F’logħba ferm emozzjonanti mill-Hockey 7s, GREE Żurrieq Wolves Hotsticks għelbu l-isfida ta’ Rabat 5-3. Din il-logħba li pproduċiet ħafna gowls, kienet wirja kollettiva min-naħa tal-attakkanti bid-difiżi rispettivi li mhux dejjem kienu attenti.
Il-plejer żagħżugħ Jayden Cutajar kien il-protagonista ta’ din il-logħba meta skorja tripletta filwaqt li Carmine Francese u Gary Bonnici żiedu aktar gowls għat-tim tagħhom.
Doppjetta ta’ Kyle Micallef u gowl ieħor ta’ Matthew Buhagiar ma kinux biżżejjed għar-Rabtin.
Umpires kienu John Williams u Karl Chircop.
Mir-raba’ round tal-kampjonat ta’ taħt it-18-il sena, Qormi Daikin u Marsaskala Heat spiċċaw fi draw ta’ 3-3.
Wyatt Magri skorja tripletta għal Qormi filwaqt li Alessandro Piscopo skorja doppjetta għall-Iskalin b’Kieran Carabott li ta punt lit-tim tiegħu.
Umpires kienu Alessandro Amore u Dario Cacopardo.
Finalment f’logħba mill-kampjonat ta’ taħt is-16-il sena, Marsaskala Heat għelbu lil Floriana Young Stars 4-0.
Kelsey Meilak, Alessandro Piscopo, Nathan Lauri Rodo u Kyron Carabott skorjaw il-gowls ta’ Marsaskala Heat.
Umpires kienu Alessandro Amore u Oscar Toledano.