Saturday, December 28, 2024

Iċ-ċkejkna Kate tittama li ttejjeb il-kundizzjoni tagħha

Aqra wkoll

“Wasal il-ħin biex nerġa’ nsiefer … din id-darba lejn l-Italja,” qalet Kate lis-segwaċi tal-paġna tagħha ‘Kate: Writing My Story’.

Hija kompliet tispjega li matul il-jiem li se tqatta’ hemmhekk se jkunu qed jeħdulha xi qisien biex tingħata sapport fis-saqajn li mistenni jgħinha biex tkun tista’ timxi aħjar. Waħda mill-benefiċċji ta’ dan huwa li permezz ta’ dan is-sapport se jonqsilha r-riskju li tweġġa’ l-ispina jew xi partijiet minn daharha.

Benefiċċju ieħor huwa li Kate se ssibha iżjed faċli biex iżżomm stabbli waqt li tkun bilwieqfa. Dan min-naħa l-oħra se jagħtiha l-opportunità biex tiffoka iżjed fuq miri oħra, bħalma huma l-mixi u l-konċentrazzjoni waqt uħud mit-terapiji u l-ġranet tal-iskola.

F’kumment li tat Charmaine Ferriggi lil dan is-sit, omm Kate, qaltilna li huma qed jagħmlu dan fuq parir li ngħataw minn diversi tobba u terapisti, kemm lokalment kif ukoll ‘il barra minn xtutna, fosthom dawk ta’ Istitut Ewropew fil-Polonja — l-istess post li fih Kate u l-ġenituri tagħha qattgħu madwar xahrejn sħaħ ftit tal-ġimgħat ilu. Żiedet tgħidilna wkoll li t-tabib li opera lil Kate fil-Polonja, Dr Matthew Dobbs, kien irrakkomanda li Kate tagħmel użu minn dan is-sapport.

Fl-aħħar nett hija rringrazzjat lil dawk kollha li tawha s-sapport meħtieġ matul dan il-vjaġġ li poġġielha diversi sfidi f’ħajjitha: “Intom parti mir-raġuni li permezz tagħha nista’ nkompli nimxi ‘l quddiem f’ħajti”.

Ekonomija

Sport