Monday, May 13, 2024

ARA: Fil-Qorti mixli li kkaġuna ġrieħi gravi fuq raġel fil-każin tal-PN fil-Ħamrun

Aqra wkoll

Raġel ta’ 38 sena residenti Tal-Pietà tressaq il-Qorti mixli li flimkien ma’ persuni oħra ħebbew għal persuna fil-Każin tal-Partit Nazzjonalista fil-Ħamrun bil-konsegwenza li kkaġunawlu ġrieħi ta’ natura gravi.

Il-każ seħħ il-Ħadd 13 ta’ Awwissu li għadda waqt li kienet qiegħda tiġi ċċelebrata l-festa ta’ San Gejtanu. Jirriżulta li l-vittma kien qiegħed jakkumpanja lill-Kap tal-PN Bernard Grech meta safa allegatament aggredit minn xi persuni, fosthom l-akkużat Andrew Attard.  

Il-Prosekuzzjoni qalet li l-Pulizija irċeviet telefonata mingħand il-vittma Noel Mifsud Bonnici, fejn qalilhom li kien ġie aggredit, kellu jittieħed l-Isptar u saħansitra kellu jiġi operat. 

Il-Prosekuzzjoni żiedet tgħid li l-Pulizija identifikat lil Attard bħala s-suspettat li kien involut fl-aggressjoni u spjegat li wara li nħareġ mandat ta’ arrest kontrih, dan ġie arrestat waqt li kien qiegħed jiffirma fl-għassa dwar każ preċedenti. 

L-imputat wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih bid-Difiża titlob għall-ħelsien mill-arrest, liema talba ġiet oġġezzjonata mill-Prosekuzzjoni minħabba l-fatt li għad fadal xi xhieda x’jixhdu, fosthom il-vittma. Id-Difiża argumentat li l-akkużat għandu jingħata l-ħelsien mill-arrest taħt kundizzjonijiet imposti mill-Qorti.

Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest filwaqt li ħeġġet lill- Prosekuzzjoni sabiex tressaq lix-xhieda u lill-vittma kemm jista’ jkun malajr sabiex ikun evitat kwalunkwe possibiltà ta’ intralċ ta’ provi.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Sarah Kathleen Zerafa, filwaqt li għal l-akkużat qed jidher l-avukat Charles Mercieca. L-Avukat George Camilleri qed jidher parte civile.

Sport