Il-qbid ta’ l-ilma miċ-ċpar fuq skala kbira jista’ jipprovdi ilma tax-xorb għal uħud mill-ibliet l-aktar niexfa fid-dinja. Dan huwa dak li kkonkludew riċerkaturi fiċ-Ċilì wara li studjaw il-potenzjal tal-ħsad taċ-ċpar fil-belt tad-deżert ta’ Alto Hospicio fit-Tramuntana tal-pajjiż.
Xita medja fir-reġjun hija inqas minn 5mm fis-sena. Il-belt għandha wkoll ħafna problemi soċjali ta’ faqar, droga u ħafna slums skont ma qalet ir-riċerkatur ewlieni Dr Virginia Carter Gamberini, mill-Universidad Mayor.
Mingħajr aċċess għalm provvista tal-ilma, in-nies fl-islums jiddependu fuq l-ilma tax-xorb li jiġi mwassal bil-bawżer. Madankollu, sħab taċ-ċpar li jinġabar regolarment fuq il-belt tal-muntanji huma sors li għadu mhux sfruttat, jgħidu r-riċerkaturi.
Il-qbid ta l-ilma taċ-ċpar huwa notevolment sempliċi – xibka mdendla bejn l-arbli, u meta s-sħab mgħobbi bl-umdità jgħaddu minn dik il-malja fina, jiffurmaw qtar. L-ilma mbagħad jiġi mgħoddi f’pajpijiet u tankijiet tal-ħażna.
Dan il-proċess ġie użat fuq skala żgħira għal bosta deċennji, prinċipalment fl-Amerika t’Isfel u Ċntrali rurali, f’postijiet bil-kundizzjonijiet taċ-ċpar. Waħda mill-akbar sistemi tal-ħsad tal-ilma taċ-ċpar tinsab fil-Marokk, fit-tarf tad-deżert tas-Saħara.
Madankollu, r-riċerkaturi jgħidu li l-ħsad taċ-ċpar fuq skala ferm akbar tista’ tipprovdi provvista ta ‘ilma aktar sigura u sostenibbli f’ambjenti urbani fejn huwa l-aktar meħtieġ.
Dr Carter Gamberini u l-kollegi tagħha wettqu valutazzjonijiet ta kemm ilma jista’ jiġi prodott mill-ħsad taċ-ċpar, u għaqqdu dik l-informazzjoni ma studji tal-formazzjoni tas-sħab f’immaġini bis-satellita u ma’ tbassir tat-temp.
Minn dan, huma kkonkludew li s-sħab li jifformaw regolarment fuq il-Paċifiku – u madwar il-belt tal-muntanji kostali – jistgħu jipprovdu lin-nies tal-kwartieri fqar ta’ Alto Hospicio b’sors sostenibbli ta’ ilma tax-xorb. Huma ppubblikaw is-sejbiet tagħhom f’dokument fil-ġurnal Frontiers of Environmental Science.
Iċ-ċpar ta’ Alto Hospicio jifforma fuq l-Oċean Paċifiku meta arja sħuna u niedja tgħaddi minn fuq l-ilma kiesaħ u mbagħad jintefaħ fuq il-muntanji. Il-kundizzjonijiet ta’ ċpar f’Alto Hiospicio ippermettew lir-riċerkaturi biex jindikaw żoni fejn l-akbar volumi ta’ ilma setgħu jinġabru regolarment mis-sħab.
Alto Hospicio jinsab fit-tarf tad-deżert ta’ Atacama, wieħed mill-aktar postijiet niexfa fid-Dinja. Bi ftit jew xejn preċipitazzjoni, is-sors ewlieni tal-ilma tal-bliet fir-reġjun huma l-akwiferi taħt l-art – saffi tal-blat li fihom spazji mimlija bl-ilma – li ġew mimlijin eluf ta’ snin ilu.
Bil-popolazzjonijiet urbani li qed jikbru, u d-domanda għal dawk il-provvisti tal-ilma mill-minjieri u l-industrija, ix-xjentisti jgħidu li hemm ħtieġa urġenti għal sorsi sostenibbli oħra ta ‘ilma nadif.
Iċ-Ċli huwa “speċjali ħafna” għaċ-ċpar tal-baħar għax il-pajjiż kollu jmiss mal-oċean u għandu l-muntanji.
L-ilma mis-sħab, kif tiddeskrivih Dr Carter Gamberini, jista’ jsaħħaħ ir-reżiljenza tal-bliet għat-tibdil fil-klima, filwaqt li jtejjeb l-aċċess għal ilma nadif.