Sunday, May 5, 2024

Id-dar tal-iħirsa

Mario Azzopardi
Mario Azzopardi
Kritiku tal-Films

Aqra wkoll

“Meg 2: The Trench” u “Teenage Mutant Ninja Turtles: Mutant Mayhem” ma setgħu jagħmlu xejn ma’ “Barbie” li kompla jiddomina l-box office Amerikana fit-tielet ġimgħa konsekuttiva.  Dan il-film li hu komiku u mimli fantasija issa qabeż iċ-ċifra ta’ biljun dollaru f’dak li hu dħul globali wara 17-il jum.

It-thriller ta’ Jason Statham “Meg 2” spiċċa fit-tieni post b’dħul ta’ $30 miljun, li hu ferm anqas mill-ftuħ li kellu l-ewwel film li rajna fl-2018.  Fil-pajjiż l-oħra fejn ħareġ għall-wiri kellu suċċess akbar meta kellu dħul ta’ $112-il miljun.

L-avventura ġdida ta’ Leonardo, Donatello, Raphael u Michelangelo fis-sequel animat ta’ TMNT iddebutta fir-raba’ post wara “Oppenheimer”.  Ir-remake tad-Disney “Haunted Mansion” niżel fil-ħames post biex wara tliet ġimgħat għandu dħul ta’ $42 miljun mit-teatri Amerikani.

Haunted Mansion

Il-kumpanija Disney hi magħrufa kemm tidħol f’dettal meta tiġi biex tgaħżel liema films ser taħdem.

B’“Haunted Mansion” jipprovaw jolqtu żewġ għasafar b’ġebla waħda.  L-ewwelnett, id-Disney kienu ddeċidew fis-snin tmenin li jaħdmu numra ta’ films tal-biża’ fosthom “The Watcher in the Woods” (b’Bette Davis) u “Something Wicked This Way Comes” (b’Jason Robards).  Dawk it-tfal li raw dawn il-films illum huma ġenituri u forsi jitħajru jieħdu t-tfal tagħhom jaraw films tal-biża’ li kienu xorta mmirati għall-familja kollha.

It-tieni raġuni hi li fit-theme park stad-Disney hemm ir-ride popolari ta’ Haunted House u allura hemm garanzija ta’ udjenza.  Dan hu remake tal-film li kien ħareġ għoxrin sena ilu b’Eddie Murphy.  Dan il-film ġdid hu ferm aħjar, fejn id-direttur Justin Simien ixaqleb il-film aktar lejn l-aspett komiku milli dak tal-biża’.  Ħasra li l-effetti viżwali huma ftit debboli għall-film b’budġit ta’ $150 miljun.  Jikkumpensa l-iscript miktub minn Katie Dippold (li kitbet ta’ “Ghostbusters” li ħareġ fl-2016).

Rosario Dawson għandha l-parti tal-omm Gabbie.  Tkun single mother li tmur toqgħod ġo dar kbira imponenti f’New Orleans, flimkien ma’ binha ta’ 9 snin, Travis (Chase Dillon).  Dak li ma kienitx taf l-omm hi, li f’din id-dar kienu jidher l-iħirsa.

Sabiex tikkumbatti l-ispirti, l-omm tqabbad investigatur tal-paranormali, Ben (LaKeith Stanfield).  Tqabbad ukoll il-qassis eċċentriku Father Kent (Owen Wilson), il-psikika Harriet (Tiffany Haddish) u professur tal-istorja Bruce Davis (Danny DeVito).

Ma’ dawn l-atturi, jidhru wkoll: Jamie Lee Curtis (Madame Leota) u Jared Leto filparti ta’ Hatbox.  Dan hu karattru ta’ fatat li rasu tisparixxi minn fuq spallejh f’ħakka t’għajn.  Fir-ride f’Disneyland, il-karattru ta’ Hatbox kienu ntroduċewh fl-1965 imma neħħewh immedjatemnt minħabba li t-tfal kienu jibżgħu meta jarawh.  Fl-2015, dan il-karattru reġgħu ntroduċewh.

“Hanued Mansion” hu kklassifikat 12A minħabba xi xeni tal-biża’.

Joy Ride

30 sena ilu, kien ħareġ għall-wiri “The Joy Luck Club”.  Hawn Malta konna rajnih f’Awwissu, 1994.  Storikament hu film importanti għax Hollywood irrealizza li hemm bżonn ta’ films li għandhom ikunu sensittivi kulturalment għall-komunitajiet Ażjatiċi.

Wara ġew bosta films, fosthom “Crazy Rich Asians” u s-sena l-oħra kellna “Everything Everywhere All At Once” li rebaħ l-Oscar għall-aħjar film.  

Il-film ġdid “Joy Ride” jisfrutta t-talent Ażjatiku-Amerikan imma din id-darba ftit li xejn jirrispetta id-differenzi kulturali. 

Permezz ta’ flashback, “Joy Ride” jurina dak il-mument meta 25 sena qabel, it-tifla adotta Audrey u t-tifla ġdida f’dawk l-inħawi, Lolo jsiru ħbieb wara li tifel jgħaddi rimarki razzisti lejhom.  Ironikament, il-post jismu White Hills Park.

Meta jikbru, Audrey tiddeċiedi li tmur iċ-Ċina biex isib l-omm bijoloġika tagħha.  Apparti Lolo (Sherry Cola), magħhom imorru wkoll Kat (Stephanie Hsu), li kienet taqsam il-kamra magħha meta kienu jistudjaw u issa saret popolari fiċ-Ċina, kif ukoll Deadeye (Sabrina Wu) li tiġi l-kuġina ta’ Lolo.

Tipikament tal-films li magħhom imiss Seth Rogen, “Joy Ride” għandu avventura fejn trid tistenna kollox u laxkezza f’għemilhom.  Anqas xi xena bid-droga mhi nieqsa.  Il-problema hi li n-narrattiva mhix daqstant b’saħħitha li żżomm magħqud dak kollu li jiġri.  Mil-lat pożittiv, il-film jibgħat messaġġ li l-komunitajiet sotto-rappreżentata bħal dik Ażjatika fl-Istati Uniti spiss huma vittmi ta’ bullying.

Maħdum taħt id-direzzjoni ta’ Adele Lim, il-kast jinkludi lil Ashley Park fil-parti ta’ Audrey.  Ashley Park hi attriċi Amerikani b’dixxendenza Koreana li saret magħrufa wara li ħadmet il-parti ta’ Mindy Chen fis-sensiela ‘Emily in Paris’.

“Joy Ride” hu kklassifikat 15 minħabba sess, referenzi għas-sess, nudità, użu ħażin tad-droga, lingwaġġ, razziżmu.

Sport