Aktar ma jgħaddi żmien aktar qed insibuha komda u faċli li biex nivvjaġġaw minn post għall-ieħor nagħmlu użu minn app fuq il-mobile u fi ftit ħin tiġi t-taxi wara l-bieb u twasslek fid-destinazzjoni tiegħek. B’kuntrast għal dak li kien jiġri qabel, illum dan is-servizz żdied sew u fit-toroq tagħna qegħdin naraw aktar xufiera tal-Y Plates.
Issa d-diskussjoni li qiegħda tqum huwa dwar jekk hemmx bżonn ta’ aktar ħaddiema li jaħdmu f’dan l-oqsma. Iżda qabel xejn huwa tajjeb li ninnutaw l-infurzar strett li sar u qed isir mill-awtoritajiet fosthom permezz ta’ spezzjonijiet f’diversi lokalitajiet fejn fil-ġimgħat li għaddew inħarġu diversi kontravenzjonijiet fuq vetturi Y Plates li ma kellhomx il-permessi relatati, flimkien ma’ verifikazzjonijiet tad-dokumenti ta’ residenza.
Dan l-aħħar ukoll tħabbar kif wara evalwazzjoni li saret minn Jobsplus, irriżulta li pajjiżna għandu biżżejjed ħaddiema tal-Y plates u food couriers. Konsegwentement, ġie rrakkomandat li jiġu irrifjutati applikazzjonijiet ġodda għall-permessi ta’ xogħol, inklużi dawk ta’ individwi li għadhom barra minn Malta u dawk li jixtiequ jbiddlu lil min iħaddimhom.
Intant, il-Prim Ministru Robert Abela kien ukoll ikkonferma d-deċiżjoni strateġika biex ma jinġiebux aktar xufiera tal-Y plates u food couriers. Għandna għax nifhmu li din il-miżura, qed isir il-ġid ma’ min diġà jaħdem fis-settur u fl-istess ħin mhijiex se taffettwa lill-ħaddiema attwali f’dawn is-setturi.
Għalhekk wieħed irid jieħu din il-miżura f’kuntest, u jekk is-suq tax-xogħol jirrikjedix il-ħtieġa ta’ aktar ħaddiema fl-imsemmija setturi. Ir-risposta kienet waħda u ċara mill-awtoritajiet illi f’oqsma bħal food couriers u l-Y-plates, il-pajjiż għadu biżżejjed ħaddiema barranin.
Għalhekk il-pass li jmiss huwa li jkun hemm il-pjani mġedda f’dan is-settur u tibda l-implimentazzjoni wara konsultazzjoni li kif ingħad se tkun waħda estensiva. Inħarsu ‘l quddiem għalhekk biex id-deċiżjonijiet li għadhom jittieħdu, jittieħdu u fl-istess waqt jiġi assigurat li ma jkunx hemm lok għal min b’xi mod jew ieħor jipprova jgħaddi mit-tieqa minflok mill-bieb. L-awtoritajiet għandhom jibqgħu jkunu viġilanti għal sitwazzjonijiet bħal dawn.