Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg iżur il-Mayo Clinic – fost l-aqwa sptarijiet madwar id-dinja

Aqra wkoll

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Dr Ian Borg żar il-Mayo Clinic f’Rochester, Minnesota, wieħed mill-aktar sptarijiet avvanzati fid-dinja. L-istituzzjonijiet ta’ Mayo Clinic huma magħrufa għall-kura speċjalizzata li joffru lill-pazjenti, kif ukoll għall-ħidma fir-riċerka, fit-taħriġ mediku u fl-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda tas-saħħa. Matul iż-żjara, Dr Borg iltaqa’ wkoll mal-President u CEO ta’ Mayo Clinic, il-Professur Gianrico Farrugia, tabib Malti li ggradwa mill-Università ta’ Malta.

Matul din il-ġurnata ta’ laqgħat mat-tmexxija u mal-esperti tal-Istituzzjoni, id-delegazzjoni Maltija ngħatat ħarsa lejn il-mod kif Mayo Clinic torganizza s-servizzi tagħha, tiżviluppa l-infrastruttura u tintegra l-aktar teknoloġiji avvanzati fil-kura tal-pazjenti. Ġew diskussi wkoll l-intelliġenza artifiċjali fil-prattika klinika, is-saħħa diġitali u l-opportunitajiet li dawn l-iżviluppi jistgħu joħolqu għas-servizzi tas-saħħa f’Malta hekk kif il-Ministeru tas-Saħħa għaddej bil-pjanijiet ta’ tisħiħ sabiex dawn is-servizzi iservu bl-aqwa mod il-ħtiġijiet tal-lum u tal-futur, filwaqt li joffru l-aqwa u l-aktar kura avvanzati possibbli għall-pazjenti.

Bħala parti miż-żjara, id-delegazzjoni Maltija żaret diversi faċilitajiet fosthom dawk tar-radjoloġija fil-kampus Saint Marys u oħrajn. Id-diskussjonijiet ħarsu wkoll lejn il-pjanijiet ta’ Mayo Clinic għall-futur, fosthom l-iżvilupp tal-faċilitajiet tagħha u ta’ mudelli ġodda ta’ kura.

“F’din il-ġurnata ta’ laqgħat stajna naraw mill-qrib kif l-intelliġenza artifiċjali, it-teknoloġija u l-innovazzjoni qed ibiddlu l-kura tas-saħħa. Fhimna wkoll x’qed jiġi ppjanat għall-futur, inkluż fl-infrastruttura, u ddiskutejna kif żviluppi bħal dawn jistgħu jiġu implimentati u jkunu ta’ ġid għas-servizzi tas-saħħa f’pajjiżna, sabiex nibqgħu noffru l-aqwa kura u bl-aktar mod effiċjenti,” qal Dr Borg.

Fost is-suġġetti diskussi kien hemm ukoll il-possibbiltà ta’ kollaborazzjoni fil-kura ta’ każijiet kumplessi, fit-taħriġ għall-professjonisti Maltin u fir-riċerka, kif ukoll il-possibbiltà ta’ kollaborazzjoni aktar mill-qrib flimkien mal-kullana prestiġjuża tal-Mayo Clinic Care Network li tinkludi wkoll istituzzjonijiet tas-saħħa ġewwa bliet ewlenin oħrajn fl-Istati Uniti.

Din l-istituzzjoni għandha wkoll rabta qawwija ma’ Malta permezz ta’ għadd ta’ tobba u professjonisti Maltin li bnew karrieri u qed jagħtu s-servizzi tagħhom ġewwa fiha, fosthom il-Professur Farrugia u diversi speċjalisti fl-onkoloġija, il-gastroenteroloġija, ir-rewmatoloġija u oqsma oħra. Dr Borg iltaqa’ ma’ wħud minn dawn il-professjonisti biex jiddiskuti kif l-esperjenza tagħhom tista’ tgħin u ssaħħaħ il-kollaborazzjoni ma’ pajjiżna.

“Tkellimna dwar kif is-servizzi tas-saħħa Maltin u din l-istituzzjoni tant prestiġjuża jistgħu jaħdmu aktar flimkien. Inħarsu ’l quddiem għal aktar kollaborazzjoni li tkun ta’ benefiċċju għall-professjonisti tagħna u għall-pazjenti f’Malta u Għawdex,” temm jgħid Dr Borg.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport