Il-Ħamis tnediet Rockestra: The Evolution, wirja fotografika li tirrakkonta l-istorja ta’ Rockestra permezz tax-xogħol tal-fotografi professjonali li matul is-snin segwew u ddokumentaw l-avveniment permezz tal-lenti tagħhom. Il-wirja qed issir fuq inizjattiva tal-Kunsill Malti għall-Arti, bi sħab mal-Malta Community Chest Fund.
Preżenti għat-tnedija kien hemm l-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, il-President Emeritu George Abela, li taħt il-Presidenza tiegħu bdiet tiġi organizzata Rockestra, u Dr Luke Dalli, iċ-Chair Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti, flimkien mal-artisti u mistednin oħra.
Il-wirja, li qed tittella’ ġewwa l-Malta Fairs and Conventions Centre (MFCC) bħala parti minn Rockestra 2026, tiġbor għażla ta’ ritratti li jiddokumentaw mumenti differenti mill-istorja tal-kunċert – mill-wirjiet u l-mużiċisti, għall-udjenzi, ix-xeni minn wara l-kwinti, il-produzzjoni u l-atmosfera li matul is-snin saret parti integrali minn dan il-kunċert annwali.
Il-wirja hi r-riżultat ta’ sejħa mill-Kunsill Malti għall-Arti għal fotografi li ddokumentaw edizzjonijiet preċedenti ta’ Rockestra, fejn dawn ġew mistiedna jissottomettu xogħlijiet tagħhom biex jiġu kkunsidrati. L-għażla finali saret mill-Kunsill Malti għall-Arti minn fost ir-ritratti li ġew sottomessi.
Il-kollezzjoni li nħolqot ma tiffokax biss fuq il-wirja innifisha, iżda tibni wkoll memorja viżiva ta’ kif dan il-kunċert żviluppa u kiber matul is-snin. Ir-ritratti juru l-iskala u l-enerġija ta’ Rockestra, iżda wkoll dawk il-mumenti li ħafna drabi jibqgħu barra mill-għajn tal-pubbliku – il-ħidma wara l-kwinti u n-nies li għenu sabiex tissawwar l-identità ta’ Rockestra.
Waqt it-tnedija tal-wirja, l-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono rrikonoxxiet il-ħidma tal-Presidenti Emeriti li servew matul is-snin, mindu Rockestra bdiet tiġi organizzata fl-2009 fuq inizjattiva tal-President Emeritu George Abela, biex din l-attività ħadet ir-reputazzjoni ta’ attività mużikali tal-ogħla livell li tgawdi minnha llum. Il-President irringrazzjat ukoll lil dawk kollha li ħadmu b’risq Rockestra, kif ukoll lil dawk kollha li jattendu, u li bil-kontribut tagħhom jippermettu lill-Malta Community Chest Fund biex tkompli tassisti lil dawk kollha li jfittxu l-għajnuna tagħha.
Dan waqt li l-President Emeritu George Abela tkellem dwar kif Rockestra daħlet fil-kalendarju tal-attivitajiet artistiċi li jattiraw eluf ta’ nies, iservu ta’ rikonoxximent tat-talent lokali u fl-istess waqt iiru għal ġest nobbli b’risq il-Malta Community Chest Fund. L-Eċċellenza Tiegħu fakkar kif mill-ewwel edizzjoni tagħha, Rockestra kienet frott ix-xewqa li l-arti, il-kultura u l-karita jingħaqdu f’attività waħda li tiġbor fiha eluf, u esprima s-sodisfazzjon tiegħu li l-poplu japprezza li dan il-kunċert jiġbor fih l-aqwa talent lokali, u japprezzah.
Din il-wirja tirrifletti l-impenn strateġiku usa’ tal-Kunsill Malti għall-Arti biex isaħħaħ il-prattika artistika professjonali, jagħti aktar viżibbiltà lill-prattikanti kreattivi u jirrikonoxxi l-kontribut tagħhom għall-ħajja kulturali ta’ Malta. L-Istrateġija 2030 tal-Kunsill Malti għall-Arti tpoġġi l-iżvilupp professjonali bħala wieħed mit-tliet pilastri li jiggwidaw il-ħidma tal-Kunsill, flimkien mad-drittijiet kulturali u l-internazzjonalizzazzjoni. L-Istrateġija tenfasizza wkoll l-importanza ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u sostenibbli, ir-rikonoxximent tal-prattika artistika u l-ħolqien ta’ toroq professjonali aktar b’saħħithom fi ħdan is-setturi kulturali u kreattivi.
Rockestra: The Evolution tifforma parti mill-esperjenza tal-udjenza fil-lejl ta’ Rockestra, bil-wirja aċċessibli għall-pubbliku hekk kif jidħol ġewwa l-MFCC. Wara l-avveniment, il-kopji stampati jingħataw lill-fotografi rispettivi. Id-drittijiet tal-awtur jibqgħu proprjetà ta’ kull wieħed u waħda minnhom.
Rockestra: The Evolution se tittella’ fis-26 ta’ Settembru fl-MFCC, Ta’ Qali, flimkien mal-kunċert Rockestra. Il-kunċert qed jittella’ b’risq il-Malta Community Chest Fund, u l-biljetti jinsabu disponibbli fuq showshappening.com. Għal aktar informazzjoni żurhttps://artscouncilmalta.org.
