Bidu ta’ kapitlu ġdid għal mijiet ta’ għalliema fl-iskejjel ta’ Malta u Għawdex

Aqra wkoll

Ftit jiem qabel eluf ta’ studenti jirritornaw fl-iskejjel f’Malta u Għawdex għal sena skolastika ġdida, għalliema li għadhom kemm ikkwalifikaw, ġew reklutati jew qed jirritornaw fil-professjoni ltaqgħu għal seminar ta’ induzzjoni maħsub biex iħejjihom għall-esperjenza fil-klassi u jagħtihom l-għodod u l-appoġġ meħtieġa fil-bidu ta’ din il-mixja.

Bit-tema Every Learner Matters: Building Inclusive Classrooms Together, is-seminar sar fl-Iskola Sekondarja Francis Ebejer fi ħdan il-Kulleġġ San Nikola f’Ħad-Dingli, u din is-sena poġġa l-inklużjoni fiċ-ċentru tad-diskussjoni. Permezz ta’ diversi sessjonijiet, l-għalliema ddiskutew kif jistgħu jibnu ambjent ta’ tagħlim fejn id-diversità tal-istudenti tiġi rikonoxxuta u kull student jingħata l-opportunità li jipparteċipa, jimxi ’l quddiem u jirnexxi.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Byron Camilleri indirizza lill-għalliema u saħaq fuq ir-rwol importanti tagħhom mhux biss fit-tagħlim, iżda wkoll fit-tħejjija tal-ġenerazzjonijiet ta’ għada.

“Ftit jiem oħra, eluf ta’ tfal f’Malta u Għawdex se jirritornaw fl-iskejjel, u magħhom se jibdew il-mixja tagħhom għalliema ġodda. Hija missjoni importanti: li jgħallmu u jedukaw lil uliedna, iżda fuq kollox li jgħinu fit-tħejjija tal-irġiel u n-nisa ta’ għada. Bħala Gvern u Ministeru se nkunu hemm biex nisimgħukom, nappoġġjawkom u nagħtukom l-għodod li teħtieġu biex tagħmlu l-aħjar xogħol possibbli mat-tfal tagħna,” qal il-Ministru Camilleri.

Waqt l-indirizz tiegħu, il-Ministru tkellem ukoll dwar ir-realtajiet differenti li l-għalliema jiltaqgħu magħhom fil-klassi, fosthom studenti bi ħtiġijiet u sfidi differenti. 

Il-Ministru Camilleri sostna li edukazzjoni inklużiva hija waħda li ma tħalli lil ħadd barra, filwaqt li rrikonoxxa li l-istudenti għandhom ritmi, ħiliet u aspirazzjonijiet differenti. F’dan il-kuntest, semma wkoll l-idea ta’ edukazzjoni vokazzjonali għal studenti li jixtiequ din it-triq u titjib fil-vjaġġ u opportunitajiet li għandhom dawn l-istudenti. Huwa spjega li din l-idea qed tiġi kkunsidrata u li għandha tiġi diskussa u żviluppata flimkien mal-edukaturi.

Id-Direttur fi ħdan id-Direttorat għall-Kwalità u l-Istandards fl-Edukazzjoni, Dr Denise Gatt, spjegat li s-seminar isir kull sena biex jilqa’ lill-għalliema l-ġodda u lil dawk li jkunu qed jirritornaw fil-professjoni mit-tliet setturi edukattivi – tal-Istat, tal-Knisja u indipendenti.

Matul is-seminar, l-għalliema ħadu sehem f’sessjonijiet u workshops dwar l-inklużjoni fil-klassi, it-tagħlim f’ambjenti multikulturali u l-ippjanar tal-lezzjonijiet b’mod li jqis il-ħtiġijiet differenti tal-istudenti. Ġew indirizzati wkoll l-aspettattivi professjonali u etiċi tal-għalliema.

Fost l-għalliema li qed jibdew din il-mixja hemm Gertrude Catania, li qalet li qed tħares ’il quddiem biex tibda l-esperjenza tagħha bħala għalliema fi skola tal-Istat.

Il-Ministru Camilleri temm billi rringrazzja lill-għalliema talli għażlu l-professjoni edukattiva u awguralhom kull suċċess f’din il-fażi ġdida, filwaqt li tenna l-importanza li l-ħidma għat-titjib tas-sistema edukattiva tkompli ssir flimkien mal-edukaturi. 

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport