“Qed inġibu aktar ċertezza”

- il-Ministru Jonathan Attard

Aqra wkoll

Iċ-Ċittadin, l-Ambjent u l-Iżvilupp 2026. Din kienet it-tema ta’ konferenza, organizzata mill-Union Print, li fiha rappreżentanti tal-korpi kostitwiti u t’entitajiet differenti ddiskutew is-sitwazzjoni attwali f’pajjiżna u x’jistennew għall-futur.

Il-konferenza bdiet b’intervista mal-Ministru għall-Infrastruttura, l-Ippjanar u x-Xogħol Jonathan Attard fejn spjega dwar kif l-ekwilibru jrid jinstab. Saħaq li f’dawn l-ewwel mitt jum ta’ din il-leġiżlatura u anke fil-leġiżlatura preċedenti ltaqa’ ma’ bosta esperjenzi u anke kien hemm aspett ta’ tħassib mill-kostruzzjoni u “hemmhekk urejna li ħadna azzjoni u lleġiżlajna”.

Il-Ministru Attard stqarr li l-fatt li qed tilleġiżla mhux biss għal finijiet legali imma anke għall-fatt ta’ polices. “B’dan il-mod qed iġġib aktar ċertezza u sitwazzjoni fejn kulħadd jaf il-paramentri tiegħu li jaġixxi u allura dan il-bilanċ li rridu nitkellmu dwaru u jkun hemm drabi fejn id-diskussjoni teħodna minn estrem għal ieħor,” qal il-Ministru Attard filwaqt li saħaq li dak li għandu jsir irid isir u hemm programm kbir ta’ ħidma.

Dwar is-saħħa u s-sigurtà fil-qasam tal-kostruzzjoni, il-Ministru Attard tenna li ttieħdu diversi passi flimkien ma’ oħrajn li qed isiru, fejn dawn kollha qegħdin iħallu d-differenza tanġibbli. “Illum mhux biss għadna awtorità… imma qegħdin inkunu ta’ sostenn tanġibbli. Jekk tfittex issib li għandna servizzi li lanqas jeżistu f’pajjiżi oħrajn,” kompla jgħid il-Ministru Attard.

Drittijiet liċ-ċittadini

Il-Ministru Attard tkellem ukoll dwar id-drittijiet taċ-ċittadini fejn saħaq li f’demokrazija, ir-rappreżentati tal-poplu jmorru quddiem il-Parlament biex jilleġiżlaw. “Se mmorru quddiem il-Parlament u niddibattu d-drittijiet u anke rimedji għaċ-ċittadini li għandhom fis-settur tal-ippjanar,” kompla jgħid il-Ministru.

Hu ġie mistoqsi dwar kif iċ-ċittadini qegħdin jipparteċipaw fil-proċess tal-ippjanar. Kien hawn li l-Ministru Attard qal li fl-aħħar għaxar snin l-attività ta’ parteċipazzjoni miċ-ċittadin żdiedet b’aktar minn għaxar darbiet mis-snin preċedenti. 

“Kellek tmien darbiet aktar żieda f’dawk li huma appelli quddiem it-Tribunal tal-Ippjanar. Dawn huma riżultati li ma waslux biss għax hemm aktar attività, imma waslu għax illum hemm aktar trasparenza,” tenna l-Ministru Attard filwaqt li saħaq li l-aċċess li hemm illum għall-informazzjoni fil-proċess tal-ippjanar hu wieħed bla preċedent. Semma kif il-pubbliku u l-għaqdiet jistgħu jaċċessaw id-dokumenti b’mod diġitali u b’dan il-mod ikun jista’ jeżerċita d-dritt tiegħu tal-appell.

Semma wkoll li llum iddaħħlu skedenzi fil-proċess. “Qabel kien jibda u ma tafx meta se jispiċċa. Irridu nkomplu nsaħħu l-proċess ġudizzjarju fil-qasam tal-ambjent biex drittijiet li kienu fuq il-karta jkollhom riżultat tanġibbli. Għandek u m’għandekx raġun fl-appell, l-eżekuzzjoni tax-xogħol ma ssirx…”

Hawn il-Ministru Attard ħabbar li filwaqt li l-Awtorità tal-Ippjanar għandha rwol importanti ħafna, il-Gvern se jkun qiegħed iressaq għat-tieni qari abbozz ta’ liġi marbut mal-appelli u anke se jiġu aġġornati l-policies.

Kumpens għal terzi

Il-Ministru Attard ġie mistoqsi wkoll dwar waħda mill-aħħar inizjattivi li ħabbar il-Gvern fejn jidħol il-kumpens għal terzi. Saħaq li dan hu servizz importanti ħafna. 

Fakkar kif it-twaqqif tal-Awtorità dwar il-Bini u Kostruzzjoni kien pass importanti ħafna u li l-aspett regolatorju kompla jissaħħaħ. “Insemmi fost l-oħrajn l-liċenzji għall-kuntratturi u anke aġġornajna lis-settur,” kompla jgħid il-Ministru filwaqt li saħaq li llum hemm reġistru nazzjonali u llum nafu min huma l-kuntratturi “fejn qabel ħadd ma kien ikun jaf min hu.”

Kompla jgħid li “rajna gap… fejn iċ-ċittadini kienu qegħdin jitħallew weħidhom f’dik li hi kostruzzjoni qrib id-dar tagħhom. Bdejna bil-helpline imma waqafnix hemm. Biex wettaqna l-helpline l-ammont ta’ kritika li kien hemm kienet kbira… Iżda aħna ridna li ċ-ċittadin ikollu vuċi…”

“Ir-realtà hi li t-tħassib ma kienx dak finanzjarju biss għaċ-ċittadini… Kien hemm sitwazzjoni fejn koppja ġew għandi u qaluli li qatt ma marru għand perit… Issa dan is-servizz għen ħafna liċ-ċittadini. Kienu kellmuni oħrajn u qaluli li dak li ppjanaw għal vaganza fis-sajf nefquhom f’periti u avukati. Rajna li nagħmlu servizz fejn tajna servizz ta’ perit u avukat iffinanzjat mill-istat…” saħaq il-Ministru Attard.

“Kien hemm waħda qaltli li kienet ilha tliet snin ma tgħix fid-dar tagħha għax il-kċina kienet ikkundannata. Allura nibet il-ħsieb li meta għandek ċirkostanzi għal dawn u ma hemmx ftehim l-awtorità tagħmel tajjeb hi u sewwi b’mod immedjat hi. Minn hemm ‘il quddiem ikun il-Gvern li nfittxu legalment u niġru legalment lil min hu responsabbli biex iħallas tad-danni li jkun ikkaġuna,” saħaq il-Ministru Attard. 

Mistoqsi dwar is-settur tal-infrastruttura, il-Ministru qal li f’dan is-settur sar ħafna xogħol minn kull aspett. “Sar il-livell ta’ intervent, imma fadal ħafna aktar xi jsir. Hemm interventi li qegħdin isiru li huma rikjesti neċessarji. Hemm sfidi klimatiċi. Il-ħsarat li ġarrabna. Hemmhekk rajna lil Infrastructure Malta tidħol u tara li tagħmel l-interventi neċessarji.”

“Hemm proġetti kbar bħal dak tal-Imsida Creek, li għandu l-isfidi tiegħu. Però mill-banda l-oħra, nirrimarka li l-fatt li dan hu proġett li qed isir mill-Maltin u qed jimxi mal-iskadenzi stabbiliti fil-proġett innifsu.”

“Dawn huma proġetti li rridu naraw oħrajn bħalhom fiż-żmien li ġej biex nassiguraw li pajjiżna jkun qiegħed mhux biss jiżviluppa ekonomikament u soċjalment imma jkun qed iħejji lilu nnifsu biex dak l-iżvilupp ikun rifless f’ambjent, fl-infrastruttura neċessarja li għandu bżonn pajjiżna,” temm jgħid il-Ministru Attard.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport