“Il-parteċipazzjoni taċ-ċittadin hija kruċjali biex insibu l-bilanċ”

– is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Kevin Camilleri

Aqra wkoll

Is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union (GWU), Kevin Camilleri, enfasizza l-importanza li kull proġett li jitwettaq ikun imsejjes fuq id-djalogu, it-trasparenza u t-tqassim tal-informazzjoni kollha meħtieġa.

Meta lbieraħ ħa sehem f’panel ta’ diskussjoni waqt konferenza organizzata mill-Union Print dwar iċ-ċittadin, l-iżvilupp u l-ambjent, Camilleri saħaq li l-parteċipazzjoni taċ-ċittadin hija kruċjali.

Filwaqt li rrikonoxxa li għad fadal xi jsir, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU qal li tul is-snin sar ħafna progress u li ninsabu mexjin fit-triq it-tajba. Madankollu, saħaq li jrid ikun hemm “għarfien sħiħ” dwar dak li qed isir u dwar fejn irridu naslu.

Camilleri spjega li meta nitkellmu dwar il-ħolqien ta’ “bilanċ”, dan ma jistax jintlaħaq mil-lum għal għada. Għalhekk, tenna l-ħtieġa li ċ-ċittadini jkunu aktar infurmati u jingħataw l-għarfien meħtieġ biex ikunu jistgħu jipparteċipaw b’mod aktar attiv.

“Nemmen li dan il-progress, speċjalment illum bl-għodod li toffrilna t-teknoloġija, jista’ jkompli jitħaffef. Dawn huma kollha għodod li jgħinuna nippreparaw ruħna biex insibu dan il-bilanċ u nibqgħu mexjin ’il quddiem,” qal is-Segretarju Ġenerali tal-GWU.

Fil-kummenti konklussivi tiegħu, Camilleri rringrazzja lill-organizzaturi tal-konferenza u lil dawk kollha li ħadu sehem fiha. Huwa sostna li biex jiġu indirizzati temi bħal dawk diskussi fil-konferenza “trid kuraġġ biex tagħmilhom”.

Tenna wkoll li l-GWU se tkompli tkun preżenti u tagħti l-kontribut tagħha billi tressaq u tiddiskuti aktar temi li jolqtu liċ-ċittadini, lill-ħaddiema u lis-soċjetà.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport