Wednesday, June 29, 2022

“Id-dipendenza mid-droga mhix kapriċċ… tħallu lil ħadd ikasbar dak li ksibtu”

Il-President lir-residenti li temmew b’suċċess programm ta’ rijabilitazzjoni mid-droga

Aqra wkoll

Il-President George Vella qal li persuna ma tista’ qatt tegħleb id-dipendenza waħedha, iżda jrid ikun impenn kollettiv. F’Ċerimonja ta’ Gradwazzjoni fil-Komunità Santa Marija f’Ħal Farruġ, il-President ippreżenta rikonoxximent lil ħames residenti li temmew b’suċċess il-programm ta’ rijabilitazzjoni mid-droga bl-għajnuna tal-ħaddiema u l-professjonisti. Fisser din iċ-ċerimonja bħala ċelebrazzjoni ta’ bidu ġdid, u fuq kollox ċelebrazzjoni tal-kuraġġ u s-saħħa li kisbu f’dawn l-aħħar xhur. Il-President qalilhom li huma pedina importanti fis-soċjetà u li m’għandhom iħallu lil ħadd ikasbar lilhom jew dak li kisbu fl-aħħar xhur biex joħorġu mid-dipendenza li kellhom.

Fid-diskors tiegħu, il-President irrimarka li d-dipendenza mhijiex kapriċċ ta’ persuna mitlufa f’ħajja bla rażan, jew sforz ħajja għażżiena, imma tista’ tiżviluppa minħabba numru ta’ fatturi bħalma huma trawmi passati, abbużi preżenti u “sens ta’ iżolament li dejjem aktar jimbotta lill-persuna lil hinn min-nukleu familjari u soċjali.” Żied li din il-lenti mhux biss tagħti sinifikat ġdid għall-isfidi li ġġarrab persuna li tħabbat wiċċha ma’ problemi ta’ dipendenza, iżda hija wkoll riflessjoni ta’ realtà soċjali kumplessa. Qal li faċli wieħed iwaħħal tabella ma’ persuna u jibqa’ jidentifikaha b’dak il-mod. Sfortunatament kliem dispreġjattiv u li jweġġa’ jibqa’ jiġi ripetut.

Il-President għamel referenza għal konferenza organizzata mill-Fondazzjoni OASI dwar id-dipendenza u x-xogħol fejn ħareġ kemm it-taħriġ u x-xogħol dinjituż huma għodod importanti biex il-persuna tiżviluppa u tkun tista’ tgħix ħajja indipendenti. Saħaq li persuni li jkunu għaddejjin minn problemi ta’ dipendenza jibqgħu persuni u mhux numri. Il-President Vella tenna li bħala soċjetà għandna nuru empatija u niżguraw li s-sistemi preżenti jagħtu l-opportunitajiet xierqa biex il-persuna tiżviluppa l-ħiliet tagħha waqt li terġa’ tiskopri talenti personali u l-imħabba personali lejn ħajja serena u produttiva.

Il-President Vella temm id-diskors tiegħu bi stedina lir-residenti li temmew b’suċċess il-programm ta’ rijabilitazzjoni biex ikunu parteċipi u attivi fil-ħajja soċjali u filantropika. “Kunu intom issa li turu t-triq ’il quddiem għal ħaddieħor,” ħeġġiġhom il-President.

Sport