Saturday, February 8, 2025

Id-Distakk ta’ 15,800 favur il-Partit Laburista- Stħarriġ ta’ Vincent Marmara

Aqra wkoll

Is-sondaġġ ippublikat minn Vincent Marmara, l-ewwel wieħed għal din is-sena jindika kif 38.5% qed iwieġbu li jivvutaw lill-Partit Laburista, waqt li 34.8% jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista. 21.8% wieġbu li ma jafux, 2.5% wieġbu ADPD u partiti oħrajn irreġistraw appoġġ ta’ 2.4%. 

Dan is-sondaġġ huwa konsistenti ħafna ma ta’ qablu li ħareġ f’Ottubru; infatti t-tlett punti kritiċi li kull sondaġġ huwa mibni fuqhom baqgħu l-istess. Id-distakk baqa’ favur il-Partit Laburista u żdied, Robert Abela baqa’ l-aktar mexxej fdat meta kkumparat ma Bernard Grech u l-ammont ta’ nies li ma jridux jivvutaw jew ma jafux lil min se jivvutaw baqgħu persistenti u saħansitra żdiedu.

Madwar kwart tal-popolazzjoni għadhom indeċiżi

Meta kkumparat mas-sondaġġ ta’ Ottubru, d-distakk żdied b’mod sostanzjali minn 12,000 vot distakk favur il-Partit Laburista f’Ottubru għal 15,800 vot distakk fis-sondaġġ ta’ dan ix-xahar. Iżda anki l-persentaġġ ta’ nies li ma jivvutawx żdied minn 15 fil-mija għal aktar minn 20 fil-mija. Din hija l-akbar konsistenza li tista tiġi osservata f’dawn l-aħħar xhur, in-numru kbir ta’ nies li dejjem qed jiżdiedu li ma jafux jew ma jridux jivvutaw.

L-istatistiku Profs Vincent Marmara qal li “kważi wieħed jista’ jikkonsidra n-nies li ma jridux jivvutaw bħala sentiment b’saħħtu fost il-popolazzjoni. Din il-kategorijja tal-poplu hija wahda b’saħħitha u kkonsolidat sew. Fost dawk in-nies li huma indeċiżi għandek ħafna minnhom li qegħdin josservaw x’ser jiġri mill-partiti, x’ser jipproponu u x’direzzjoni ser jagħtu. Meta tasal elezzjoni ġenerali jkollok ħafna minnhom li jiddeċiedu dwar x’jagħmlu bil-vot tagħhom”.

Marmara qal ukoll;”Interessanti li wieħed jinnota li s’issa ħafna nies mhux qed jaqsmu minn partit għall-ieħor. Ħafna minn dawn in-nies mhux qegħdin jispirawhom iż-żewġ partiti, mhux qegħdin jaraw li qed ituhom id-direzzjoni jew mhux qed jilħqu l-aspetattivi tagħhom. Kif rajna fis-survey tal-Istat tan-Nazzjon tas-sena l-oħra, għandek ħafna minn dawn in-nies li tilfu l-interess fil-politika, jew mhux iħossuhom ispirati mill-partiti. Dan kollu bħalissa qed isarraf f’nuqqas ta’ interess qawwi li dawn in-nies jassoċjaw lilhom infushom ma’ partit politiku.” 

Il-Partit Laburista għamel ċertu progress billi reġa’ kiseb l-appoġġ ta’ xi wħud li kienu taw daharhom lill-partit 

Din tidher li attribwit għaż-żieda fid-distakk minn Ottubru li għadda. Madankollu, jidher li l-maġġoranza ta’ dawk li bħalissa mhumiex lesti jivvutaw ġejjin mill-kamp Laburista u b’hekk id-distakk niżel mhux ħażin minn 40,000. Dan jindika sfida għall-partit hekk kif jipprova jirkupra l-fiduċja ta’ din il-parti tal-elettorat li tidher diżilluża jew indeċiża dwar l-appoġġ politiku tagħha.

L-istatistiku Vincent Marmara jinnota li hemm grupp ta’ nies li qed jgħidu li ma jridux jivvutaw. “Minn dawn, il-Partit Laburista għandu ferm aktar minnhom u b’hekk id-distakk bejn il-partiti naqas b’mod sostanzjali. Dawn bħalissa jippreferu jgħidu li mhux ser jivvutaw milli jeqilbu l-vot tagħhom għal Partit Nazzjonalista. Fost dan il-grupp ħafna minnhom jew tilfu l-interess fil-politika, jew il-Partiti mhux jindirizzaw l-ħsibijiet u l-aspettativi tagħhom. Fost dawn in-nies, l-akbar inkwiet tagħhom huwa l-barranin u l-over-population tal-pajjiż, il-kostruzzjoni, it-traffiku u l-ambjent.” 

Il-Partit Nazzjonalista rnexxielu jżomm l-appoġġ tal-partitarji tiegħu, iżda ma jidhirx li gwadanja voti ġodda. 

Għalkemm ma għamel l-ebda avvanz ċar fil-popolarità tiegħu, il-PN jidher li żamm il-lealtà ta’ dawk li diġà kienu jappoġġjawh, peress li ma kienx hemm moviment sinifikanti ta’ votanti li qalbu lejn il-Partit Laburista. Dan jissuġġerixxi li, minkejja n-nuqqas ta’ tkabbir, il-partit għandu bażi ta’ appoġġ stabbli li baqgħet magħquda miegħu. Din xorta mhiex biżżejjed biex il-Partit Nazzjonalista jirritorna lura fil-Gvern u b’hekk hemm bżonn li jkun hemm bidla fid-direzzjoni u ħsieb biex dawk il-votanti li għadhom ma jafux jistgħu iqisuh bħala alternattiva.

Robert Abela fdat ferm aktar minn Bernard Grech

Robert Abela huwa rikonuxxut bħala l-aħjar mexxej mill-votanti kollha. Il-votanti laburisti jidher biċ-ċar li jafdaw ferm aktar il-mexxej tagħhom meta kkumparat man-nazzjonalisti u l-kap tagħhom. Il-votanti Nazzjonalisti huma ferm aktar xettiċi mill-kap tagħhom, Bernard Grech, b’aktar minn 20 fil-mija tal-votanti nazzjonalisti jgħidu li ma jippreferu lil ħadd jew ma jafux.

Din qed tidher b’mod persistenti f’ kull sondaġġ, iżda l-Partit Nazzjonalista jidher li qed ikaxkar saqajh biex jagħmel din il-bidla. Kulħadd issemmi alternattivi differenti fosthom l-Għawdxi Alex Borg, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola u oħrajn li wrew interess fil-passat. Wieħed għandu jistaqsi jekk il-kap hux fattur għala l-Partit Nazzjonalista mhux javvanza fl-ammont totali ta’ voti li qed iġib.

L-Elezzjoni Ġenerali għadu mhux ċar x’se jkun l-eżitu tagħha.

Mis-sondaġġ jidher ċar li l-Partit Laburista naqqas ħamsa fil-mija mill-voti li kellu, pero li huwa interessanti huwa li l-appoġġ li naqqas inqasam bejn il-Partit Nazzjonalista u l-indipendenti. L-indipendenti dejjem qed jiżdiedu u fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew kienet ċara din, iżda din iż-żieda qed tidher f’kull sondaġġ li qed jiġi ppublikat. 

Mhux ċar pero x’inhi l-istrateġija li se tiġi addottata mill-indipendenti, jekk hux se jingħaqdu f’koalizzjoni, se jkun hemm partit ġdid aktar b’saħtu u strutturat jew ħa tinżamm l-istatus quo biċ-ċans li dawk il-voti jintilfu. Dawn huma kollha għażliet li jafu jwasslu għal eżitu differenti u jafu jkollhom implikazzjonijiet differenti fuq il-Partiti l-kbar.

L-aktar punt interessanti pero li mhux jiġi rikonuxxut biżżejjed huwa li jekk id-distakk jibqa kif inhu, l-elezzjoni li jmiss jirbaħa l-Partit Laburista u għal ewwel darba f’Malta jkollna Partit li rebaħ erba’ elezzjonijiet konsekuttivi. Dan ikun rekord għal pajjiżna. Il-Partit Nazzjonalista kien viċin li jikseb dan ir-rekord b’Eddie Fenech Adami u Lawrence Gonzi iżda l-elezzjoni ta’ 1996 tela’ l-Prim Ministru Alfred Sant u b’hekk il-Partit Nazzjonalisti rebħu 3 elezzjonijiet konsekuttivi u ma’ għamluhomx l-erbgħa li huma.

B’hekk l-elezzjoni li jmiss jaf tkun waħda storika, bl-indeċiżi jkollhom l-aħħar kelma.

Metedoloġija 

Ir-riżultati ta’ dan l-istħarriġ li sar bejn l-1 u s-6 ta’ Frar 2025, huma bbażati fuq il-Multiple Imputation Technique – mudell xjentifiku applikat fuq dawk li rrifjutaw li jwieġbu jew qalu li huma indeċiżi u minflokhom isib replacement xjentifiku. L-istħrarriġ, li sar permezz tat-telephone/mobile b’mod rappreżentattiv fost il-poplu Malti fir-rigward tad-demografija l-iktar importanti (etajiet, distretti u sess), sar b’kampjun ta’ 1,200 persuna fost dawk li għandhom 16-il sena ’l fuq u għandu confidence level ta’ 95%. Il-marġini ta’ żball b’mod massimu f’dan l-istħarriġ huwa ta’ +/-2.8%.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport