Tuesday, February 18, 2025

Id-dixxiplina, id-determinazzjoni, il-persistenza u r-rispett huma pedamenti ferm kruċjali fil-futbol kif ukoll fil-ħajja ta’ kuljum – Adam Newell

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Nemmen li fil-verità l-imħabba tiegħi lejn il-futbol kienet waħda naturali għaliex minn mindu kont żgħir il-futbol kien dejjem preżenti d-dar minħabba li missieri kif ukoll ħija kienu ferm attivi f’ dan l-isport, flimkien mas-sapport t’ommi.

Iddeskrivi l-esperjenza tieghek fil-futbol qabel iddeċidejt li tmur tilgħab fil-Portugall, fosthom dik mat-tim nazzjonali Malti tal-youths.

In-nursery tal-futbol minn dejjem kien post ta’ pjaċir għalija, primarjament għax kien post fejn niltaqa’ u nqatta’ l-ħin mal-ħbieb. L-avventura tiegħi f’dan l-isport bdiet bħala plejer ma’ San Ġwann mill-età ta’ ħames snin. Wara dak il-perjodu ta’ tlett snin kont imxejt għan-nursery ta’ Balzan, fejn hemmhekk komplejt nilgħab bħala plejer, izda ukoll kont inħobb nosserva it-taħriġ tal-kowċ tal-goalkeepers, Eddie Bartolo, li darba fost l-oħrajn kien offrieli biex nipprova bħala goalkeeper u minn hemm ‘il quddiem qatt ma ħarist lura. Wara erba’ snin ma’ Balzan kont irritornajt ma’ San Ġwann fejn f’dak iż-żmien kont intagħżilt għar-regional hubs ta’ taħt l-14-il sena, avveniment li għen ferm l-iżvilupp tiegħi bħala goalkeeper. Wara bdiet l-esperjenza tiegħi mat-tim nazzjonali Malti, bl-ewwel debutt tiegħi kontra l-Maċedonja ta’ Fuq. Wara dak il-perjodu nħoss li għamilt pass ieħor ‘il quddiem fejn ingħaqadt mal-klabb ta’ Pietà Hotspurs, kif ukoll kompliet l-esperjenza tiegħi mat-tim nazzjonali ta’ taħt is-16 u s-17-il sena fejn kont parti mill-iskwadri għat-tournaments. Dak riċenti tal-Euro Qualifiers li kelli l-opportunità li nilgħab bejn il-lasti kontra l-Ingilterra u l-Latvja. Inħares lura dawn l-opportunitajiet kienu kollha ferm positivi.

Kif iddeċidejt li tmur tilgħab fil-Portugall?

Minn mindu kelli l-opportunità nilgħab kontra timijiet internazzjonali. Biex nilħaq dak il-livell ħassejt li kelli nagħmel il-pass li jmiss fil-karriera tiegħi.

Iddeskrivi l-esperjenza tiegħek sa issa fil-Portugall.

Din l-esperjenza bdiet sitt xħur ilu, fejn ġejt avviċinat biex imur perjodu ta’ prova mal-klabb fil-Portugall, CD Feirense. Novembru li għadda ġejt offrut żewġ opportunitajiet mal-klabbs ta’ Académico de Viseu u Famalicão b’dawn tal-aħħar gejt offrut sitt xħur biex nkun parti mill-iskwadri ta’ taħt is-17 u d-19-il sena bil-possibiltá ta’ kuntratt permanenti.

Kemm hu different l-livell tal-futbol fejn qed tilgħab bħalissa fil-Portugall minn dak f’Malta?

Kif mistenni, il-livell fil-Portugall huwa wieħed għoli, fejn il-futbol jintlagħab b’aktar intensità u ritmu. Il-futbol hawnhekk jarawħ bħala karriera fejn hawn suq akbar ta’ plejers.

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u jkollkom il-logħob kompetittiv tagħkom?

Id-differenzi fir-riżorsi huma kbar fejn hawnhekk hawn investiment ikbar fir-riżorsi. Kull tim kompetittiv ikollu minn tal-inqas tmienja jew għaxar membri tal-istaff, ukoll bħala grawnds għandhom l-ghażla bejn dak sintetiku kif ukoll dak naturali.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Il-prijoritá tiegħi bħalissa hi li nkun preparat kemm fiżikament u mentalment, li dik tgħini biex nassorbi u nitgħallem kemm affarijiet possibbli. Dan ikun jista’ jwassal li nkun aktar preparat hekk kif negħleb kull ostaklu jew problema fuq il-grawnd kif ukoll barra minnu.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jilgħab il-futbol.

Il-messaġġ tiegħi hu li d-dixxiplina, determinazzjoni, persistenza u ir-rispett huma pedamenti ferm kruċjali fil-futbol kif ukoll fil-ħajja ta’ kuljum.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport