Tuesday, May 14, 2024

Id-dritt tal-vot għal dawk bil-Covid-19 jew dawk fi kwarantina

Aqra wkoll

Il-Kummissjoni Elettorali tavża li qed isiru arranġamenti speċjali sabiex dawk il-persuni kollha li bejn it-12 ta’ Marzu u l-25 ta’ Marzu 2022 jinstabu pożittivi għall-Covid-19 jew ikunu fi kwarantina mandatorja jkunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tal-vot tagħhom biss f’wieħed miċ-ċentri speċjali li ser jitwaqqfu apposta għal dan il-għan.

Dawn iċ-ċentri saru bl-approvazzjoni tal-awtoritajiet tas-saħħa biex dawn il-votanti jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom fil-kumdità u s-sigurtà għalihom u għall-pubbliku inġenerali. Dan ser ikun qiegħed isir ukoll bħala prekawzjoni biex ikun assigurat illi l-proċess tal-votazzjoni jitmexxa bl-inqas periklu għas-saħħa ta’ kulħadd.

Għal dan l-għan, u kif titlob il-Liġi Elettorali, il-Kummissjoni Elettorali ser tkun qed tirċievi mingħand is-Supretendenza tas-Saħħa Pubblika lista bid-dettalji ta’ dawn il-persuni min-nhar is-Sibt, 12 ta’ Marzu 2022, sad-9.00 p.m tal-25 ta’ Marzu 2022.

Votanti li jagħżlu li jibbenefikaw minn ħruġ kmieni mill-kwarantina xorta waħda ser ikunu jistgħu jivvotaw biss fiċ-ċentri mwaqqfa għal tal-apposta u mkien iktar.

Il-votanti li għandhom jivvotaw f’dawn iċ-ċentri ser ikunu qed jirċievu struzzjonijiet f’liema ċentru għandhom imorru jivvotaw fil-Jum tal-Votazzjoni.

Possibbiltà ta’ votazzjoni kmieni

Persuni li jkunu fuq il-lista maħruġa mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika mit-12 ta’ Marzu, u jixtiequ jivvotaw ġimgħa qabel il-jum stabbilit għall-votazzjoni, jistgħu japplikaw biex jivvotaw kmieni nhar is-Sibt, 19 ta’ Marzu 2022. Dan jista’ jsir billi jagħmlu dikjarazzjoni f’dan is-sens lill-Kummissjoni Elettorali.

Din id-dikjarazzjoni għandha ssir permezz ta’  email fuq [email protected] fejn il-votant juri x-xewqa li jivvota kmieni fid-19 ta’ Marzu 2022.  Kulħadd huwa avżat  illi t-terminu legali biex issir din id-dikjarazzjoni jagħlaq f’nofsinhar tal-Ġimgħa, it-18 ta’ Marzu, 2022.

Persuni msefrin li jridu jagħmlu l-kwarantina

Min ser ikun qed jiġi Malta minn barra sabiex jivvota, għandu jiżgura li jagħmel l-arranġamenti meħtieġa fiż-żmien opportun, u ma jħallix għall-aħħar ħin biex jivvjaġġa, kemm biex jilħaq jiġbor id-Dokument tal-Vot tiegħu sad-data stabbilita bil-liġi, kif ukoll biex issir il-komunikazzjoni meħtieġa mal-awtoritajiet tas-saħħa għar-rigward tal-perjodu ta’ kwarantina li jkun rikjest, liema kwarantina tibda tapplika mal-wasla tagħhom f’Malta. Ta’ min jinnota illi min ma jkunx laħaq ġabar id-Dokument tal-Vot sa nofsillejl tal-Ħamis, 24 ta’ Marzu 2022, jew ikun qed ibati mill-COVID-19 jew ikun fi kwarantina mandatorja relatata mal-COVID-19 u ma jkunx iddaħħal fil-lista li s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika tgħaddi lill-Kummissjoni Elettorali sa nhar il-Ġimgħa, 25 ta’ Marzu 2022 fid-9.00 ta’ filgħaxija, ma jkunx jista’ jivvota.

Aktar informazzjoni

Aktar informazzjoni dwar dawn l-arranġamenti tista’ tinkiseb fuq in-numru tat-telefown 22261010 bejn it-8.00am u s-2.00pm jew it-3.00pm u t-8.00pm kuljum mil-lum sas-26 ta’ Marzu 2022. Persuna tista’ wkoll tibgħat mistoqsijiet permezz ta’  email fuq [email protected] mil-lum sas-26 ta’ Marzu 2022.

Sport