Monday, December 23, 2024

Identifikata l-vittma tal-inċident bil-quad bike f’Għawdex

Aqra wkoll

Oriana Bertolino, Taljana ta’ 31 sena hija l-vittma li nhar is-Sibt filgħaxija tilfet ħajjitha f’inċident bi quad bike qrib Wied il-Mielaħ fl-Għarb Għawdex.

Kien il-ġurnal Sqalli La Sicilia li rraporta dan fejn qal li Bertolino kienet tilgħab il-volleyball u kienet anke taħdem f’ċentru veterinarju.

Ir-raġel li kien magħha waqt l-inċident sofra biss ġrieħi ħfief u ngħata l-kura fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex.

Skont dak li qed jiġi rraportat fil-midja Bertolino kienet Għawdex fuq btala flimkien ma’ grupp ta’ persuni u kienu qegħdin jipprovaw jaraw inżul ix-xemx fl-inħawi taż-żona fejn mietet.

Għalkemm l-inkjesta trid tiddetermina eżattament x’ġara jidher li r-raġel tilef il-kontroll minħabba problema li żviluppat fl-isteering.

Aktar kmieni: Taljana titlef ħajjitha wara li waqgħet minn fuq l-irdum għal ġol-baħar f’Wied il-Mielaħ

Taljana ta’ 41 sena tilfet ħajjitha, wara li lbieraħ għall-ħabta tal-10:00 p.m, kienet involut f’inċident fi Triq Wied Mielaħ fl-Għarb Għawdex bil-quadbike.

Minnufih, il-Pulizija flimkien ma’ membri mill-Forzi Armati ta’ Malta u mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili marru immedjatament fuq il-post fejn minn stħarriġ li sar irriżulta li Taljan ta’ 47 sena, kien qiegħed isuq quadbike qrib l-irdum u tilef il-kontroll. Miegħu kien hemm l-vittma.

Konsegwentement, ir-raġel laħaq qabeż minn fuq il-quadbike però il-mara ma rnexxilhiex, u waqgħet b’kollox minn fuq l-irdum għal ġol-baħar.

Wara tfittxija li saret, il-mara ttellgħet mill-baħar u ttieħdet fil-Port tal-Imġarr, imma sfortunatament ġiet iċċertifikata mejta.

Ir-raġel ingħata l-għajnuna medika fuq il-post u wara ttieħed l-Isptar Ġenerali t’Għawdex għall-kura fejn ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi ħfief.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Ilbieraħ filgħaxija: Persuna taqa’ bil-quad bike fil-baħar qrib Wied il-Mielaħ – s’issa għadha mitlufa

Ftit tal-ħin ilu seħħ inċident qrib Wied il-Mielaħ f’Għawdex fejn konsegwenza ta’ dan persuna waqgħet bil-quad bike b’kollox fil-baħar.

Minħabba dan l-inċident intalbet l-assistenza tal-Forzi Armati ta’ Malta biex il-persuna li jidher li hija mara titella mill-baħar.

Sorsi fuq il-post qalulna li l-mara ntlemħet wiċċa ‘l isfel fil-baħar, u wara ftit ma baqgħetx tidher.

Dan is-sit se jkun qiegħed jaġġorna hekk kif tasal l-informazzjoni.

Ekonomija

Sport