Wednesday, April 24, 2024

Ifallu t-taħditiet bejn l-għalliema u l-awtoritajiet tal-edukazzjoni

Aqra wkoll

Id-diskussjonijiet bejn l-MUT u l-Ministeru għall-Edukazzjoni fallew. Stqarret dan l-MUT fi stqarrija fejn qalet li dan huwa dovut għall-fatt li l-Ministeru ripetutament qed jimplimenta miżuri fl-iskejjel li mhumiex dawk li ġew diskussi. L-MUT żiedet tgħid li fl-istess waqt il-Ministeru għall-Edukazzjoni qed jinjora jew jara jara kif se jdur bla ma jwieġeb b’mod effettiv mijiet ta’ mistoqsijiet li għadhom mhumiex imwieġba dwar il-protessjoni tas-saħħa u s-sigurtà.

Filwaqt li qalet li se tkun qed iżżomm laqgħa urġenti tal-kunsill tal-unjin aktar tard illum biex tiġi diskussa kif se tiġi indirizzata s-sitwazzjoni, l-MUT qalet li “huwa ċar li l-implimentazzjoni ta’ miżuri dwar is-saħħa u s-sigurtà u l-aspett kurrikulari qed isiru mingħajr kunsiderazzjoni u ħsieb, u dan ifisser li kemm is-saħħa u s-sigurtà tal-edukaturi, l-istudenti u l-familji kif ukoll l-aspett kurrikulari qed jiġu kompromessi.”

L-Unjin żiedet tgħid li minkejja li d-diskussjonijiet mal-awtoritajiet tal-edukazzjoni ilhom għaddejjin ġimgħat, dak li qed jiġi implimentat fl-iskejjel mhuwiex dak li qed jiġi diskuss.

“Eżempji jinkludu t-timetables fis-sekondarja, il-miżuri dwar edukaturi ikkunsidrati ‘high risk’ u s-superviżjoni. Minn naħa l-oħra, mbagħad, għad hemm wisq affarijiet u mistoqsijiet pendenti mhux imwieġba mill-Ministeru. Dan qiegħed iwassal sabiex il-Ministeru ħoloq inċertezza kbira fis-settur li iżjed ma jgħaddi ż-żmien qiegħed ikompli juri b’mod ċar li l-preparazzjonijiet bdew tard ħafna u issa jinstabu fi stat ta’ paniku assolut,” temmet tgħid l-MUT.

Sport